Ir-raba’ bejta ta’ fekruna tal-baħar giet ikkonfermata dalgħodu waqt ronda minn voluntiera ta’ Nature Trust Malta (NTM-FEE). Il-fekruna tal-baħar (loggerhead turtle) biedet fil-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, li din is-sena kienet l-iktar bajja li rat attività tal-fkieren.
Filwaqt li din l-aħbar hi waħda pożittiva, il-bejta l-ġdida nstabet f’post li hu viċin ħafna tax-xatt, simili tat-tieni bejta ta’ din is-sena. Dan ifisser li l-bejta kienet f’riskju li tintilef jekk il-kundizzjonijiet tat-temp ma’ jibqgħux favorevoli.
Biex jimmassimizzaw iċ-ċans tal-bejta, uffiċjali tal-ERA u Nature Trust Malta (NTM-FEE) ħadmu flimkien biex jiżguraw li l-bajd jitmexxa b’mod sigur għal ħdejn iż-żewġ bejtiet l-oħra fir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay).
Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-istorbju eċċessiv, it-tirfis u d-dawl qrib iz-zona tal-bejta jistgħu jkunu ta’ theddida għall-bajd tal-fkieren u l-frieħ. L-ERA tħeġġeġ lill-pubbliku biex immedjatament jirrapporta kwalunkwe osservazzjoni ta’ attività tal-fekruna lill-ERA fuq it-telefown fuq 2292 3500 jew permezz tas-sistema online tal-customer care tagħha, jew lill-NTM bil-mowbajl fuq 9999 9505.
Il-voluntiera se jkunu meħtieġa wkoll mill-NTM matul il-perjodu tat-bejtiet sabiex jgħinu fil-monitoraġġ u kompiti oħra relatati ma’ din il-bejta tal-fekruna. Dawk li jixtiequ jagħmlu volontarjat, huma ġentilment mitluba jibagħtu imejl fuq turtle.naturetrust@gmail.com għal aktar informazzjoni.
//= $special ?>