Mhux vera li qed jintrema’ d-drenaġġ fil-baħar, il-Partit Nazzjonalista huwa populista u jinsab kuntent bis-sistema ta’ drenaġġ f’pajjiżna.
Dan kien iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar xhur, b’mod kostanti, diversi bajjiet spiċċaw miżgħuda b’baħar maħmuġ minħabba żbroff ta’ drenaġġ fil-baħar – fatt li wieħed ma jistax jiċħdu.
Fost dawn il-bajjiet insibu l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa li għamlet numru ta’ jiem magħluqa minħabba li far xi drenaġġ, ix-xtajta tax-Xgħajra li għamlet diversi xhur u ġimgħat b’din l-isfida minħabba r-rimi ta’ drenaġġ mhux trattat fil-baħar mill-impjant ta’ Barkat… u anke l-Bajja tal-Balluta, fost l-oħrajn.
Fl-14 ta’ Lulju, f’risposta mibgħuta mill-Ministeru għas-Saħħa lil Newsbook, kien konfermat li l-ilma ta’ din il-bajja kien ikkontaminat kawża tal-fatt li kien qed ifur xi drenaġġ… bid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali flimkien ukoll mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu qed jinvestigaw. Huma spjegaw li kien hemm bacteria fl-ilma li tindika b’mod ċar li kienet ġejja mill-ippurgar… ċioè mid-drenaġġ – bacteria li tikkawża infezzjonijiet u mard.
Iżda skont Abela dan huwa gideb – tant li fl-aħħar jiem kien stqarr li jinsab sodisfatt bis-sistema tad- drenaġġ.
Għal dawn l-aħħar ġimgħat u xhur l-isfida ta’ drenaġġ fil-baħar baqgħet waħda reali – sfida li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilu jinsisti li trid tissolva.
Madanakollu, Robert Abela b’insistenza, anke ftit jiem biss qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju… ċaħad ripetutament li din l-isfida teżisti. U minflok infexx jattakka lill-Partit Nazzjonalista
Il-fatt jibqa’ li f’xi waqtiet numru ta’ bajjiet qed jispiċċaw kontaminati minn batterji ġejjin mid-drenaġġ, batterji li huma ta’ ħsara lill-għawwiema.
B’numru ta’ esperti jisħqu kontinwament li s-sistema ta’ drenaġġ, li Abela qed jgħid li huwa sodisfatt biha, mhux qiegħda tlaħħaq mad-domanda qawwija kawża taż-żieda tremenda fil-popolazzjoni.
//= $special ?>