Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff biddlet deċiżjoni tal-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali li kien iddeċieda kontra mara li talbet li tirċievi l-pensjoni tar-romol. Lorna Vassallo ta’ 70 sena kienet qed tikkontendi li l-pensjoni li qiegħda tapplika għaliha, huwa jedd tagħha, stante l-obbligu impost mil-leġislatur fuq kull min iħallas il-bolla.
U kull min iħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti minnu, u għalhekk għandu jirriżulta li l-bolla li tħallset minn żewġha matul il-perijodu taż-żwieġ hekk imsejjaħ putattiv bejniethom, ikkontribwiet għall-pensjoni li applikat għaliha.
Il-Qorti qalet li taqbel bi sħiħ ma’ dan ir-raġunament legali, li huwa kkristallizzat ukoll fir-rieda tal-leġislatur bil-promulgazzjoni tal-artikolu 42A għall-Kap. 318. Tqis għalhekk li anki dan l-aggravju huwa mistħoqq, u sejra tilqgħu.
L-Arbitru kien qabel mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li ġaladarba din kellha ż-żwieġ tagħha annullat 27 sena ilu, mhix intitolata għall-pensjoni tar-romol issa li ġie nieqes l-eks raġel tagħha. Vassallo allegat li ma kinitx infurmata bl-annullament taż-żwieġ, li minnu kellha żewġt itfal, u li saret taf biss riċentament meta l-eks raġel tagħha ġie nieqes.
Madanakollu dan il-fatt ma bidilx il-fema tal-Arbitru, u Vassallo għalhekk appellat mid-deċiżjoni. Quddiem il-Qorti tal-Appell Vassallo argumentat li mhuwiex minnu li annullament iħassar l-effetti kollha taż-żwieġ, għax is-sistema legali tagħna tirrikonoxxi żwieġ annullat bħala żwieġ putattiv.
Qalet li kull flus li ħallas George Vassallo bħala bolla tul iż-żwieġ tagħhom bejn l-1971 u l-1997 huwa investiment li sar fil-komunjoni tal-miżżewġin, u għalhekk kienu tagħha daqs kemm kienu tiegħu. Hija saħqet li la hi u żewġha kienu daħlu għal dan iż-żwieġ b’rieda tajba, hija kienet intitolata li tirċievi l-pensjoni.
Il-Qorti rrilevat li kwistjonijiet marbuta ma’ diskriminazzjoni għandhom jitqanqlu fil-forum appożitu, u mhux fi proċeduri ta’ appell. Madanakollu, qiegħda tirrikonoxxi li l-appellanta għandha raġun fil-pretensjonijiet tagħha, u għalhekk qiegħda tagħti direzzjoni lid-Direttur Ġenerali appellat sabiex jikkomputa s-sehem tal-Pensjoni tar-Romol li jispetta lill-appellanta abbażi tas-snin li matulhom hija kienet fi żwieġ hekk imsejjaħ putattiv ma’ George Vassallo.
L-appellanta qalet ukoll fl-argumenti tagħha li l-pensjoni kontributorja għandha titqies bħala investiment fuq l-istess bażi ta’ kull pensjoni privata jew investiment ieħor bħal kont bankarju jew xiri ta’ stocks jew bonds.
Id-differenza hawnhekk hija li filwaqt li investiment simili jidħol fil-likwidazzjoni tal-komunjoni li sseħħ mas-separazzjoni, id-dritt li wieħed jirċievi pensjoni jiddependi minn ġrajja futura li ma tistax tiġi prevista u regolata, u dan id-dritt għalhekk irid jibqa’ indiviż.
Vassallo qalet li bid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttur Ġenerali qiegħed jikkontesta l-fatt legali bażilari li d-dħul taxxabbli li abbażi tiegħu titħallas ilbolla, jappartjeni wkoll lill-mara miżżewġa li tibqa’ d-dar trabbi lil uliedha, daqs kemm jappartjeni lir-raġel li joħroġ jaħdem.
Il-Qorti qablet ma’ dawn l-argumenti, u ddikjarat li l-liġi tagħti dan id-dritt lil persuni divorzjati, u dan għandu japplika wkoll għal din is-sitwazzjoni. Għal din ir-raġuni l-Qorti ħassret id-deċiżjoni tal-Arbitru u ddeċidiet favur il-mara.
//= $special ?>