Lokali Qorti

Chris Fearne u Edward Scicluna tħallew fl-għama dwar il-proġett tal-isptarijiet – Dr. Tonna Lowell 

“Chris Fearne u Edward Scicluna tħallew fl-għama dwar il-proġett tal-isptarijiet. Jekk il-qorti tħares lejn il-konklużjonijiet tal-inkjesta, għalkemm ma’ hemm l-ebda spjegazzjoni ċara, Chris Fearne żgur li mhux l-awtur prinċipali. Tfittex kemm tfittex, il-qorti qatt mhu se ssib xi evidenza materjali tal-elementi tar-reati li Fearne jew Scicluna huma akkużati bihom,”

Fir-rigward ta’ Edward Scicluna, hu jew kwalunkwe rappreżentant tal-Ministeru għall-Finanzi ma kienux preżenti għal-laqgħa li saret fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li matulha saret preżentazzjoni dwar il-proġett u li l-klijenti tiegħu, Fearne u Scicluna tħallew fl-għama dwar il-proġett tal-isptarijiet. 

Dan qalu l-Avukat Stephen Tonna Lowell waqt maratona ta’ sottomissjonijiet li damu sejrin minn ftit qabel l-10am. sas-6pm. dwar il-prima facie fil-konfront ta’ 15-il akkużat li jinkludu lill-eks Viċi Prim Ministru Fearne u l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li preżentement huwa l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Huma qed jiġu akkużati b’koruzzjoni, ħasil ta’ flus u liu wettqu frodi fid-deal tat-tliet sptarijiet tal-istat.

Wara li l-prosekuzzjoni għamlet is-sottomissjonijiet tagħha fejn qalet li dak li sabet l-inkjesta Maġisterjali hija ċara li l-akkużati għandhom jitpoġġew kollha taħt att ta’ akkuża. Il-Maġistrat Leonard Caruana qal li se jkun qed jagħti digriet dwar jekk hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża nhar l-Erbgħa, fl-10am.

L-avukat tal-Prosekuzzjoni Francesco Refalo ta rakkont ta’ dak kollu li wassal għal dan il-punt. Tenna li r-rapport tal-inkjesta huwa kbir u ċar ħafna u li mill-konklużjonijiet tiegħu. Fl-inkjesta, hemm bosta dokumenti li ġew sekwestrati u analizzati mill-esperti maħtura mill-Maġistrat Inkwirenti.

Saħaq li l-Maġistrat Gabriella Vella rrakkomandat li jitressqu l-Qorti minflok jiġu investigati aktar għaliex kien hemm biżżejjed raġun biex isir dan. Dr. Refalo ndika wkoll li l-provi meħtieġa biex jiġi determinat jekk l-akkużati għandhomx każ xi jwieġbu huma inqas minn dak li hemm bżonn biex jinstabu ħatja.

Hu kkwota bosta sentenzi tal-qrati u tenna li l-Qorti diġà indirizzat kwistjonijiet dwar jekk hemmx każ xi jwieġbu l-akkużati u b’hekk, il-Qorti għandha tilqa’ t-talba tal-Prosekuzzjoni u tiddikjara li hemm provi biżżejjed biex l-imputati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Fearne kien jaf b’kollox fuq il-ftehim

L-ewwel sottomissjoni tal-akkużati kienet fuq Fearne. Il-prosekutur Refalo tenna li l-eks Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kien konxju tal-ftehim, kien jaf x’qed jiġri u kellu kuntatt ma’ Armin Ernst. “Qatt ma waqqaf il-konċessjoni”, saħaq Refalo.

Qal li sa Lulju 2014, Fearne diġà kien qed jifhem is-sitwazzjoni tal-konċessjoni u kellu kuntatt ma’ Brian Tonna.  Meta l-eks Ministru Konrad Mizzi ġie mistoqsi minn Tonna jekk Fearne kien jaf bil-ftehim u l-intriċċi tiegħu, Mizzi qallu li l-accountant kien se jfehmu. Dr. Refalo sostna li Fearne kien jaf bil-ftehim u dak kollu li kien qed jiġri fl-isfond.

Dwar Edward Scicluna Refalo qal li dan kien il-Ministru għall-Finanzi u b’hekk kien jaf x’kien qed jiġri madwaru u li l-flus kienu qed jintefqu fuq il-konċessjoni. Hu sostna li “dan mhux il-Prosekuzzjoni qed tgħidu imma l-esperti tal-inkjesta”.

L-Avukat Refalo qal li Scicluna kellu s-saħħa biex iwaqqaf dan il-ftehm iżda naqas milli jagħmel dan. Iżid li l-Prosekuzzjoni taqbel mar-rapport tal-esperti. Hawn interrompa l-avukat Stefano Filletti fejn ipprova jintervjeni u jisħaq li se jinsa meta jkollu ċ-ċans biex jitkellem.

Il-Maġistrat Leonard Caruana widdbu u qallu li bħalma hu qed jieħu n-noti, “forsi anke int messek tagħmel l-istess”. Dwar is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi Refalo jgħid li kien is-Segretarju Permanenti ta’ Konrad Mizzi dakinhar li kienet qed tiġi negozjata l-konċessjoni.

Hu saħaq li hu kien responsabbli għall-ħatra tal-bord li għażlet l-offerta ta’ Vitals u li għażel il-persuni tal-bord minkejja li kien jaf li kien hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interess. “Baqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn”, irrimarka Refalo.

Dr. Tonna Lowell li fost oħrajn qed jidher għal Fearne u Scicluna staqsa għaliex il-pulizija għażlu li jakkużaw lil Fearne b’dan il-mod, b’mod partikolari fid-dawl tal-istqarrija li l-pulizija ma investigatx il-każ u qagħdet biss fuq l-inkjesta.

Kompla jgħid li Fearne jinsab mixli b’reati li allegatament twettqu f’diversi kapaċitajiet tiegħu mill-2016 sa Frar 2024. Dan ifisser li kull ħaġa li setgħet ġrat qabel ma tkunx koperta mill-akkużi. “L-AĠ qaltilna, fir-rigward ta’ Fearne, li l-esperti jikkorroboraw l-argument tiegħu li għandu jinstab ħati. Dan ma jinsab imkien fl-inkjesta, qal l-Avukat.”

Meta qara mir-rapport tal-inkjesta, Tonna Lowell qal lill-Qorti li l-esperti ma semmewx lil Fearne fuq il-lista ta’ riċevituri ta’ pagamenti u lanqas kienu elenkawh fost il-“plejers sinifikanti” fil-ftehim frawdolenti Jissuġġerixxi li anke l-esperti tal-inkjesta kienu nnutaw li l-involviment ta’ Fearne fil-ftehim kien ‘ineżistenti’.

Saħaq li kien Fearne li kien waqqaf li l-art li fuqha hi mibnija Barts Medical School milli tiġi trasferita lill-konċessjonarji privati. “Smajna lis-Supretendent James Grech, li qalilna li Fearne ressaq ilment kriminali wara l-pubblikazzjoni ta’ artikli fi stampa barranija,” qal Tonna Lowell lill-Qorti.

L-avukat jgħid li dawn l-artikoli kienu parti minn kampanja ta’ ħmieġ żvelata mill-OCCRP, it-Times of Malta u l-Boston Globe, u jgħid li l-investigazzjoni finanzjarja li saret mill-pulizija ma kienet sabet l-ebda transazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu Tonna Lowell jikkonkludi li Fearne m’għandu l-ebda każ xi jwieġeb.

Skont Tonna Lowell, Scicluna ma setax iwaqqaf il-ftehim

Wara l-Avukat għamel is-sottomissjonijiet tiegħu dwar Edward Scicluna u għaliex skont hu m’għandux każ xi jwieġeb. L-avukat argumenta li d-difiża ta’ Scicluna hi differenti minn ta’ Fearne iżda li ż-żewġ każi jorbtu man-nuqqas ta’ evidenza. Dr. Tonna Lowell jgħid li l-esperti saħqu li Scicluna seta’ jwaqqaf il-ftehim imma hu jgħid li dan ma setax ikun “għaliex dan mhux każin tal-banda”.

Hu kkwota mill-proċess verbal tal-inkjesta li tirrigwardja kif il-Ministri li ma setgħux jiġu influwenzati minn Keith Schembri jew l-assoċjati tiegħu kienu jitħallew fl-għama. Dr. Tonna Lowell qal kif Scicluna lanqas ġie konsultat dwar il-konċessjoni tal-Vitals u li l-Awditur Ġenerali stess semma dan fir-rapport tiegħu.

Semma wkoll kif Scicluna jew kwalunkwe rappreżentant tal-Ministeru għall-Finanzi ma kienu preżenti għal-laqgħa li saret fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li matulha saret preżentazzjoni dwar il-proġett.  Tenna wkoll li ftit li xejn kienu ntbagħtu emails bejn Scicluna u Konrad Mizzi. Ikkwota wkoll parti mill-minuti tal-Kabinett li juru kif pagament addizzjonali ta’ €10 miljun mitlub minn Steward kien twaqqaf.

“Mhux minnu li Scicluna ma għamel xejn”, stqarr Tonna Lowell li jikkjarifika kif kien Scicluna li waqqaf dan il-pagament. Hu jsostni li Scicluna tħalla fl-għama dwar dan il-proġett. L-avukat saħaq li r-rapport tal-inkjesta jgħid biċ-ċar li Fearne u Scicluna tħallew fl-għama dwar il-proġett. Hu argumenta li dawn kienu biss osservazzjonijiet u mhux evidenza kontrihom. Għaldaqstant, ikompli jgħid, il-livell tal-provi ma ntlaħaqx.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li hu jinnota li hemm 78 kaxxa mimlijin evidenza iżda li l-Qorti m’għandhiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq x’jaħseb ħaddieħor iżda fuq l-evidenza quddiemha. Hu jikkwota d-digrieti mill-kawżi Ir-Repubblika ta’ Malta vs Shaukat Ali et, u Ir-Repubblika ta’ Malta vs Joseph Muscat li jiddeterminaw ir-“raġunijiet” wara l-kuntest tad-digriet tal-prima facie u li dan jgħodd bħala evidenza.

Qal li kull meta il-Qorti tal-Maġistrati teħles imputat minħabbanuqqas ta’ provi, hu dmir tal-Pulizija Eżekuttiva li tissokta tfittex litgħarbel aħjar dwar il-fatt. L-Avukat Stefano Filletti għamel s-sottomissjonijiet tiegħu f’isem il-klijent tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi. Jgħid lill-qorti li r-reati kollha relatati mal-frodi jaqsmu element essenzjali.

Dr. Filletti qal li Mizzi qed jiġi akkużat bi frodi u li l-Kodiċi Kriminali tagħmel distinzjoni bejn tliet tipi ta’ frodi u li l-Prosekuzzjoni trid tikkjarifika x’tip ta’ frodi qed jiġi akkużat biha Mizzi. Hu jinnota li l-akkuża kontra Mizzi hija aggravata minħabba li huwa uffiċjal pubbliku. Jisħaq li dan l-aggravju mhuwiex obbligu morali iżda obbligu legali.

Rigward l-akkuża ta’ miżapproprjazzjoni, Filletti jgħid li din tirrekjedi li persuna tagħti oġġett biex tintuża għal skop iżda minflok tintuża għal skop differenti. “X’inhu l-oġġett f’dan il-każ?” jistaqsi Filletti. Jgħid li l-Qorti trid tifli l-evidenza u tara jekk hemmx każ x’jiġi mwieġeb. Jistaqsi għaliex l-Avukat Ġenerali qed tisħaq li Mizzi huwa involut ħafna fir-reat iżda fl-istess ħin qed tistrieħ fuq ir-rapport tal-inkjesta. Hu jinsisti li Mizzi m’għandux każ xi jwieġeb.

L-inkjesta kkonkludiet li Ronald Mizzi għandu jiġi akkużat bħala kompliċi. Dan kien importanti għaliex l-att kriminali u l-intenzjoni kriminali kienu differenti minn dawk tal-ħati prinċipali, spjega l-avukat. “Dawn l-elementi mhumiex sempliċiment kożmetiċi.”

Għalhekk tqum il-mistoqsija, jekk Ronald Mizzi hux kompliċi ma’ xi ħadd li mhux identifikat, kif l-AĠ fl-għerf tagħha, waslet għall-konklużjoni li hu l-ħati prinċipali u mhux kompliċi, fi spazju ta’ ħamest ijiem biss?”

Huwa jaqra mir-rapport ta’ Harbinson, wieħed miż-żewġ esperti ewlenin maħtura mill-maġistrat inkwirenti. Tgħid li r-rapport huwa strettament kunfidenzjali u m’għandux jiġi rilaxxat lill-ebda parti li mhix involuta fl-inkjesta. L-ebda dmir ta’ diliġenza ma huwa aċċettat lil ebda parti minbarra dawk li lilhom huwa indirizzat ir-rapport.

“Bir-rispett kollu l-AĠ messha ma tatx każ ta’ dan ir-rapport. Hija ma kellha l-ebda awtorità tużaha,” jgħid Filletti. Ir-rapport tal-espert jgħid li mhux qed jesprimi opinjoni legali u li m’għandux jintuża bħala tali, jgħid l-avukat.

Filletti jfakkar li meta Ronald Mizzi kien xehed dwar l-involviment limitat tiegħu fil-kumitat ta’ tmexxija u fil-bord qabel l-inkjesta, ma kienx ingħata kawtela jew avżat li x-xhieda tiegħu tista’ tpoġġih fl-inkwiet. Huwa kien tkellem bħala xhud, mhux bħala suspettat, sostna l-avukat. “Il-fatt li l-maġistrat ma tatx kawtela jfisser li fl-ebda ħin ma ħasset li kien suspettat.”

L-avukat Filletti qal li hemm diskrepanzi bejn l-akkużi maħruġa kontra Deborah Chappell u x-xhieda li nstemgħu l-Qorti.  Waqt li rrefera għall-konklużjonijiet tal-maġistrat, Filletti qal li mhux xieraq li jingħad li Chappelll kienet involutat fl-RfP, għax id-dokument ġie ppubblikat minn Ganado Associates u PwC għenet il-offerenti joħorġu r-risposta. 

“Deborah Chappell mexxiet il-kaxxi biss,” qal Filletti L-avukat qal li PwC avżat lil Bluestone, VGH u tat parir fuq it-taxxa lil Steward Healthcare. Madankollu, huwa l-klijent tiegħu biss li qed jiġi akkużat.  Filletti qal li d-diliġenza li saret fuq Shaukat Ali msemmi fir-rapport tal-inkjesta mhuwiex l-istess wieħed akkużat il-Qorti.  “Jien qed nifhimha b’tali mod li isem Shaukat Ali qisu John Borg għalina,” qal filletti, waqt li nnega r-rapport tal-esperti. 

L-Eks Deputat Prim Ministru Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Scicluna u 13-il persuna oħra, fosthom tliet impjegati taċ-ċivil, huma fost lista tat-tieni livell ta’ akkużati li qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-każ. Fearne u Scicluna, kif ukoll dawk kollha elenkati magħhom, qed jiġu akkużati bi frodi li tammonta għal aktar minn €5,000 u li għamlu qligħ frawdolenti. Huma jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ misapproprjazzjoni.

Il-lista ta’ dawk akkużati flimkien ma’ Fearne u Scicluna tinkludi l-eks segretarji permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, is-segretarju permanenti attwali Ronald Mizzi, il-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg, il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara, kif ukoll ħames avukati: Kevin Deguara , Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.

Fearne ta’ 61 sena u Scicluna ta’ 77 sena qed jiġu akkużati li kienu jafu bil-qerq li kien qed isir u li ma aġġixxewx kif kellhom id-dmir li jagħmlu. Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ misapproprjazzjoni. It-12-il persuna oħra jinkludu Segretarji Permanenti, Avukati u żewġ kumpaniji.

L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Edward Scicluna u Chris Fearne. Joseph Rapa huwa rappreżentat mill-avukati Stefano Filletti, Maurice Meli u Michael Sciriha. Għal Kenneth Deguara qed jidhru l-avukati Zachary Psaila, Franco Debono u Jonathan Thompson. Jean Carl Farrugia qed jiġi difiż mill-avukati Zachary Psaila, Franco Debono, Arnold Camilleri u Jonathan Thompson.

Deborah Anne Chappell qed tkun rappreżentata mill-avukati Stefano Filletti, Roberto Montalto, Maurice Meli u Joseph Mizzi. Għal Bradley Gatt qed jidhru l-avukati Michael Sciriha, Franco Debono u Franco Galea.

L-Avukat Giannella de Marco qed tidher għal Aaron Mifsud Bonnici. James Camenzuli huwa rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u David Farrugia Sacco. Manuel Castagna qed ikun difiż mill-avukat Ezekiel Psaila. Għal Robert Borg qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri. DF Advocates qed tkun rappreżentata mill-avukati Ezekiel Psaila, Franco Debono, Marion Camilleri u Jonathan Thompson.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Fracesco G Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.