Internazzjonali

Il-King’s Speech tradizzjonali f’Londra: Jintroduċi programm intiż biex ineħħi x-xkiel għall-ħidma tal-Gvern

Ir-Re Karlu, permezz ta’ diskors tradizzjonali magħruf bħala l-King’s Speech, fassal il-pjani leġislattivi tal-Gvern ġdid Laburista ta’ Keir Starmer…Gvern li se jmexxi lir-Renju Unit għas-snin li ġejjin wara r-rebħa kbira tal-Laburisti fuq il-Konservattivi ta’ Rishi Sunak, fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Id-diskors fil-Parlament irrefera għall-abbozzi tal-liġi li jinkludu pjani biex in-networks tal-ferrovija jaqgħu taħt il-kontroll tal-Istat u biex il-Gvern jaċċellera l-bini tal-infrastruttura u housing ta’ kwalità għolja madwar ir-Renju Unit. U filwaqt li l-operaturi tal-ferroviji se jaqgħu direttament taħt il-kontroll tal-Gvern, l-amministraturi tal-lokalitajiet rispettivi se jitħallew jieħdu l-kontroll tas-servizzi tal-karozzi tal-linja.

Sadanittant, il-Gvern qed jaħseb biex jimmodernizza s-sistemi għall-kontroll tal-immigrazzjoni u l-proċeduri għall-kenn politiku, Dan ukoll meta, fil-futur, għandha titwaqqaf sistema ġdida ta’ kmand għat-tisħiħ tas-sigurtà mal-fruntieri tar-Renju Unit.

Il-bidliet fil-klima huma wkoll fuq l-aġenda tal-Gvern ġdid bl-introduzzjoni ta’ entità bl-isem Great British Energy li, fost oħrajn se tinvesti fl-enerġija sostenibbli.

Il-Gvern ta’ Starmer, fl-istess ħin, impenja ruħu biex jinkoraġġixxi parteċipazzjoni akbar fil-proċess demokratiku u fost indikazzjonijiet li għandu, ‘il quddiem, jagħti l-vot lill-adolexxeni ta’ 16-il sena.

Pjan ieħor importanti indirizzat fil-King’s Speech jinvolvi r-riformi tal-House of Lords, magħmul mill-peers jew membri li mhumiex eletti mill-poplu. Dan meta mistenni li jitneħħew id-drittijiet ereditarji tal-membri biex jieħdu posthom f’din il-Kamra bid-dritt tal-vot.

Intant, il-bidliet fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet għall-persuni bi problemi mentali huma sinifikattivi ħafna għall-ġejjieni – iżda l-osservaturi kritikaw il-pjan tal-Gvern biex ineħħi l-eżenzjoni tal-VAT għall-miżati tal-istudenti li jattendu l-iskejjel privati,  anki jekk il-flus salvati mill-iskema għandhom jiffinanzjaw l-ingaġġ ta’ aktar mijiet ta’ għalliema.

Il-Prim Ministru Starmer, wara d-diskors tar-Re, qal li l-programm inkwistjoni jneħħi ħafna mix-xkiel għall-ħidma tal-Gvern li akkumula tul-aħħar snin tat-Tmexxija tat-Tories.

Starmer kompla li l-programm tal-Gvern, fuq kollox, għandu jwassal għal pajjiż li kapaċi jwieġeb aħjar għall-isfidi tal-futur – bid-deputati fil-House of Commons, fl-aħħar sigħat, jiltaqgħu għall-ewwel sessjoni tal-Parlament ġdid biex jiddibattu l-punti ewlenin tad-diskors tar-Re.