Lokali

Il-qtugħ tad-dawl f’Għawdex huwa ta’ inkonvenjent kbir fuq l-operat tan-negozji

Il-fatt li matul il-lejlil-gżira Għawdxija għamlet siegħat twal bla dawl ħalla impatt kbir fuq ir-residenti, fuq it-turisti kif ukoll l-operat ta’ diversi negozji f’Għawdex.

Ma’ Net News, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, Joe Muscat, stqarr li l-qtugħ tad-dawl qed iħalli impatt qawwi fuq in-negozji. Dan apparti problemi serji fuq l-operat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA sostna li dawk kollha li joffru servizz fis-settur turistiku, speċjalment negozji li għadhom jibdew, kienu fost l-aktar li ħassew l-impatt hekk kif mhux l-istabbilimenti kollha huma koperti b’generator.

Joe Muscat qalilna wkoll li kien hemm negozji li saħansitra kienu ilhom jumejn mingħajr provvista tad-dawl.

Barra min hekk il-Kap Eżekuttiv tal-GTA sostna li hemm bżonn bidla immedjata u investiment ġdid sabiex isiru x-xogħlijiet neċessarji, ħalli Għawdex ikun jista jlaħħaq mad-domanda.