Enerġija Lokali

In-nuqqas ta’ investiment tal-Gvern fid-distribuzzjoni tad-dawl qed iwassal għal tbatijiet kbar fost il-poplu

Il-Gvern ta' Robert Abela huwa l-Gvern tal-blackouts

Matul dan is-sajf, Malta u Għawdex qed jesperjenzaw mill-ġdid blackouts totali hekk kif sfortunatament lanqas il-bażiku m’għadu garantit taħt dan il-Gvern għax minħabba n-nuqqas ta’ investiment fl-aħħar 10 snin, saret normalità li fis-sajf għal diversi ġranet f’ħafna lokalitajiet ikollna d-dlam minflok id-dawl. Gvern Nazzjonalista jassigura li immedjatament jagħmel l-investiment meħtieġ biex din il-problema ssir waħda tal-passat darba għal dejjem.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Ryan Callus u Joe Giglio, fejn taw ħarsa wkoll lejn dak li qal ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar dak li għadda pajjiżna matul is-sajf tas-sena 2023, fejn ġie mtenni li fl-aħħar snin ma sarx investiment fin-network tad-distribuzzjoni tad-dawl kif ukoll mhux talli ma żdiedx l-investiment, talli saħansitra anke l-flus disponibbli, ma ġewx investiti u użati.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie sostnut kif din il-kriżi ġiet frott in-nuqqas u l-inkompetenza fit-tmexxija tal-Gvern ta’ Robert Abela u n-nuqqas ta’ direzzjoni minn Miriam Dalli. Il-kelliema tennew li l-Labour ilu fil-Gvern għal 10 snin u jeħtieġ li llum qabel għada jaħseb għall-infrastruttura li tkun tiflaħ għaż-żieda fil-popolazzjoni. Matul il-konferenza ntqal li ġimgħat ilu Miriam Dalli qalet lill-poplu li s-sitwazzjoni mhux se tkun bħal dak li ġara s-sena li għaddiet, iżda sal-lejl li għadda stess u anke dalgħodu kien għad hemm bosta residenzi bla dawl.

Apparti l-qtugħ tad-dawl, pajjiżna mhux qed ilaħħaq lanqas mas-servizz tad-drenaġġ, mas-servizz tas-saħħa, mat-traffiku u lanqas mal-għoli tal-ħajja. Fejn quddiem din il-kriżi għandna Gvern Laburista li huwa mitluf fi ġlied intern u għadu sa issa ma ndunax li għandu b’mod immedjat itejjeb l-infrastruttura ta’ pajjiżna.

Il-Kelliema sostnew il-ħtieġa li min imexxi pajjiżna għandu jkun iktar responsabbli għal dak li għaddejjin minnu. Dan hekk kif il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku qed jolqot lil eluf ta’ familji u anke lil bosta ħaddiema li jsofru minn ċertu kundizzjonijiet.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet ġie mtenni kif illum il-ħaddiema tal-Enemalta u l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallsu l-prezz tal-inkompetenza, in-nuqqas ta’ ppjanar u l-korruzzjoni fis-settur tal-enerġija.

Dan hu Gvern li għejja, li anki qed jaħbi l-informazzjoni hekk kif ilbieraħ meta Għawdex kollu kien bla dawl, din l-informazzjoni ma kinitx tinstab fuq il-mezzi uffiċjali biex wieħed ikun jista’ jagħraf lilu nnifsu.

Għax ma jridx li l-poplu jerġa’ jgħix il-kriżi nazzjonali li għex matul is-sajf li għadda u l-blackouts li qed jolqtuna f’dawl l-aħħar jiem, Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jinvesti b’serjetà fid-distribuzzjoni tad-dawl. Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jara li l-poplu ma jibqax ibati min-nuqqas u mill-qtugħ fid-dawl, u fuq kollox il-poplu jkun qed jingħata l-aqwa servizz imsejjes fuq mudell ekonomiku li jrendi u ta’ kwalità u mhux li jżid bosta piżijiet addizzjonali fuq il-poplu.