Il-qasma fil-Labour hija dejjem aktar evidenti. U Robert Abela qed jitlef il-kontroll tal-faxxa ta’ Joseph Muscat – tant li issa saħansitra din il-firda ġiet esposta quddiem l-Ewropa kollha.
Robert Abela ried li l-Erbgħa filgħodu t-tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Laburista jappoġjaw lil Metsola. Madankollu, tnejn minn dawn astjenew.
F’kummenti li ta lix-Xandir tal-Istat, Robert Abela qal li d-direzzjoni kienet waħda ċara favur vot lil Metsola …għaliex sempliċiment hija Maltija.
Madanakollu, mistoqsi għalfejn Agius Saliba u Attard ma segwewx din id-direzzjoni…Robert Abela, skomdu għall-aħħar, spiċċa jgħid li ma vvotawx kontriha.
Dan il-battibekk bejn il-Mexxej tal-Labour u dawn iż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej ilu għaddej sa minn żmien il-kampanja elettorali wara li ħallew lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Labour, Joseph Muscat, jirkbilhom il-karru elettorali. U stidnuh waqt l-attivitajiet tagħhom biex allegatament inaddaf ismu…bi tħejjija għal kawża tal-Vitals.
Imbgħad….fl-ewwel diskors li sar fir-Rialto wara r-riżultat elettorali, Alex Agius Saliba skopra li ma kellux post fis-sala. Tant li xhieda preżenti rawh fil-Pjazza ta’ Bormla waqt li kienet għaddejja l-attività ġewwa.
Sfida li issa dehret ċara anke fit-trażmissjoni diretta mxandra mill-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu, fejn Alex Agius Saliba baqa’ bilqiegħda waqt li kulħadd qam iċapċap lil Roberta Metsola eletta mill-ġdid President b’maġġoranza rekord.
Intant, b’reazzjoni għal dan kollu, kemm il-President tal-MHRA Tony Zahra kif ukoll il-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela kkundannaw il-fatt li Agius Saliba ma vvutax lil Metsola…għax fi kliemhom kienet l-aħjar għażla.
Sorsi qrib sew tal-Partit Laburista saħqu li din kienet sfida mhux lejn Roberta Metsola nfisha, iżda lejn Robert Abela ….u d-direzzjoni li ta lit-tliet MEPs.
//= $special ?>