Biex jitfakkar il-25 anniversarju tal-Għaxaq Music Festival, tħejja programm ta’ kunċerti bis-sehem ta’ esponenti lokali u internazzjonali li għandhom jattiraw il-gosti ta’ kulħadd. L-istennija hija għall-kunċerti ta’ Julian Marley, wieħed minn ulied Bob Marley, Ronan Keating, u l-Brit Floyd ikkunsidrat wieħed mill-aqwa tribute bands tal-Pink Floyd. It-tliet kunċerti se jsiru fil-Ground ta’ Ħal Għaxaq.
Julian Marley & The Uprising
Din l-edizzjoni ħa ttella’ s-separju nhar l-Erbgħa 24 ta’ Lulju b’kunċert kbir ta’ mużika Raggae minn Julian Marley & The Uprising li din is-sena rebaħ il-Grammy Award għall-aħjar album Raggae f’kollaborazzjoni ma’ Antaeus, album li jġib l-isem ta’ Colors of Royal maħruġ sena ilu. Il-kunċert ta’ Julian Marley se jkun parti mit-tour dinji ‘Colors of Royal’ li qed jagħmel bħalissa. Din mhix se tkun l-ewwel żjara fostna peress li fl-2018 kien daqq fostna f’Rock ‘N Malta.
Qabel Julian Marley & The Uprising, l-istage jilqa’ lill-band lokali Fakawi. DJ MyKill se jkun qed jagħmel il-warm-up qabel il-kunċert, filwaqt li fit-tmiem se jkun hemm JJoy.
Ritratt: Julian Marle
Ronan Keating
Fis-27 ta’ Lulju jitwassal it-tieni kunċert bil-mistieden ikun Ronan Keating, wieħed mill-membri tal-boyband Irlandiż Boyzone. Keating ukoll kien ġie Malta fejn kien kanta fil-kunċert ta’ Joseph Calleja fuq il-Fosos tal-Floriana fl-2012. F’Ħal Għaxaq, Keating flimkien mal-band tiegħu se jwassal repertorju li se joħodna lura fiż-żmien meta kien jifforma parti minn Boyzone u suċċessi ta’ karriera solista. Ma jonqsux il-kanzunetti ‘No Matter What’, ‘If Tomorrow Never Comes’, ‘Breathe’ u ‘Life Is a Rollercoaster’ ma’ kanzunetti oħra.
Supporting-act ta’ Keating se jkun il-kantant Malti ta’ fama internazzjonali Shaun Farrugia li qed jikseb diversi suċċessi, fosthom il-kanzunetti ‘Dear God’, ‘Vertigo’, ‘Humans’, ‘Chemicals’ u ‘Wherever You Are’ ta’ Martin Garrix & DubVision ft. Shaun Farrugia. DJ Pierre Cordina se jagħti bidu għal dan il-kunċert, filwaqt li DJ Sue se ddoqq fil-closing party wara l-kunċert ta’ Ronan Keating.
Ritratt: Ronan Keating
Brit Floyd
It-tielet kunċert se jsir nhar il-31 ta’ Lulju, li għandu jkun il-World Premier tal-ispettaklu tal-Pink Floyd f’dak li se jwassal Brit Floyd flimkien ma’ Harry Waters, iben Roger Waters. L-ispettaklu fostna se jkun parti minn ‘The Pulse World Tour’ li qed jagħmlu bħalissa. Ma jonqsux siltiet immortali bħal ‘Shine on You Crazy Diamond’, ‘Time’, ‘Wish You Were Here’, ‘Us and Them’, ‘Comfortably Numb’, ‘Money’, u ‘Another Brick in the Wall’ – spettaklu kbir għall-ammiraturi tal-Pink Floyd u dawk li jħobbu l-mużika tajba bis-sens.
Il-biljetti għal dawn it-tliet kunċerti jinkisbu minn fuq is-sit showshappening.com, filwaqtli d-dħul ġenerali jsir permezz ta’ donazzjoni.
Bootleg Beatles u Tribali fil-pjazza ta’ Ħal Għaxaq
L-Għaxaq Music Festival ikompli ċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 sena anniversarju b’żewġ kunċerti oħra fil-pjazza ta’ Ħal Għaxaq. Fis-7 ta’ Awwissu, Bootleg Beatles jerġgħu jkunu fostna b’kunċert bir-repertorju vast tal-Beatles.
L-Għada, Tribali jagħti kunċert kbir bil-mużika tiegħu meħuda mill-album kurrenti‘Alka’, u siltiet oħra magħrufa mill-erba’ albums preċidenti li jagħmlu dan il-band wieħed uniku, mimli ħajja, enerġija u grinta.
Iż-żewġ kunċerti huma bla ħlas. L-Għaxaq Music Festival se jkun ippreżentat taħt il-patronċinju tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali.
//= $special ?>