Internazzjonali

L-Istati Uniti: Il-politika ta’ appoġġ lill-Ukrajna kapaċi tinbidel taħt il-Presidenza ta’ Trump

Il-politiċi u diplomati fl-Ewropa u l-Ukrajna qed jistennew il-bidliet fir-relazzjonijiet rispettivi mal-Istati Uniti f’każ li l-kandidat – u eks-President – Repubblikan, Donald Trump, jirbaħ mill-ġdid l-elezzjoni ta’ Novembru…Elezzjoni li tiggrantilu erba’ snin oħra ta’ tmexxija mill-White House.


U ladarba s-Senatur ta’ Ohio, JD Vance, qed jikkuntesta għal Viċi-President Amerikan fuq it-tikketta tar-Repubblikani, mistenni li – f’każ ta’ rebħa għall-partit tiegħu– id-differenzi bejn Washington u l-Ewropa dwar il-gwerra fl-Ukrajna u s-sigurtà kapaċi jsiru dejjem aktar profondi.

Qabel l-invażjoni, fl-2022, tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi, Vance kien bagħat messaġġ fuq podcast li ‘ma kienx jinteressah minn dak li seta’ iseħħ fl-artijiet Ukreni’. Hu anki minnu li Vance, riċentement, kien strumentali fid-dawmien tal-pakkett għall-għajnuna militari mill-Istati Uniti lill-Ukrajna, ekwivalenti għal xi 60 biljun dollaru.

Vance, fil-fatt, qatt ma tilef opportunità biex jikkritika l-għajnuna ta’ pajjiżu lill-Ukrajna – u waqt il-Konferenza tas-Sigurtà ta’ din is-sena, fil-Ġermanja, hu qal li l-Ewropa, ‘il quddiem, għandha tirrealizza li l-Istati Uniti qed ikollha tikkonċentra aktar fuq is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fl-Asja tal-Lvant.

Fl-istess ħin, għad hemm sens ta’ imprevedibbiltà dwar kif  Donald Trump għandu jitratta mal-Alleanza tan-NATO f’każ li jirbaħ mill-ġdid il-Presidenza tal-Istati Uniti.

L-Istati Uniti, fil-preżent, hi l-akbar alleata tal-Ukrajna u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għamilha ċara li mhux inkwetat dwar il-prospetti kbar li Trump jispiċċa elett mill-ġdid bħala President Amerikan. Zelensky anki  esprima fiduċja li ‘huma t-tnejn’, ‘il quddiem, jistgħu jaħdmu flimkien b’għan wieħed u fl-aħjar interessi tas-sigurtà internazzjonali.