Mara ta’ 36 sena mill-Moldova ġiet ikkundannata sena ħabs sospiżi għall-perjodu ta’ tliet snin wara li ammettiet li mexxiet burdell fl-Iklin. Raisa Cialov kienet tressqet fil-Qorti ma’ Snejana Belocurenco, tfajla ta’ 29 sena wkoll mill-Moldova.
Huma kienu qed jiġu segwiti mill-Pulizija u wara tressqu fil-Qorti wara li ġie nnutat li kien qed ikun hemm diversi rġiel deħlin u ħerġin minn residenza fl-Iklin, u meta daħlu qabdu liż-żewġ nisa f’atti sesswali. Belecurenco kienet ammettiet malli tressqet il-Qorti u kienet ikkundannata sena ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Cialov kellu jibda jinstema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima imma fil-bidu tal-proċeduri hi infurmat mill-ewwel lill-Qorti li kienet se tammetti għall-akkużi kollha miġjubin kontriha.
Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien qed jitmexxa burdell fl-Iklin minn residenza li kienet mikrija lil Raisa Cialov. Waqt tfittxija fil-binja, dawn iż-żewġ tfajliet instabu u nqabdu għall-għarrieda f’atti sesswali ma’ żewġ kliijenti.
Instabu wkoll erba’ notebooks bin-notamenti dwar ħlasijiet li allegatament saru mill-klijenti u informazzjoni dwar websites fejn qed ikunu użati dawn is-servizzi, erba’ mobile phones, 19-il SIM card tal-mobile u envelope bil-flus.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Marshal Mallia.
//= $special ?>