In-nuqqas ta’ governanza tajba. Il-korruzzjoni. L-isplużjoni fil-popolazzjoni. Il-kompetizzjoni inġusta fin-negozju. Dawn kollha huma uħud mill-problemi li ħarġu fl-istudju li sar mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji flimkien mal-Misco għat-tieni kwart ta’ din is-sena.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu intqal illi f’dan is-survey ipparteċipaw 372 megozju – stħarriġ li sar bejn il-5 u l-15 ta’ Lulju.
Skont dan l-istudju l-akbar problema li qed jaffaċċjaw in-negozji huwa propju in-nuqqas kbir ta’ ħaddiema fejn hawnhekk twassal l-appell li f’pajjiżna jeħtieġ aktar persuni ta’ kwalità hekk kif l-isplużjoni fil-popolazzjoni isarrfet f’persuni li mhuwiex imħarrġa.
F’kummenti ma’ Net News, il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela sostna l-ħtieġa li jkun hemm bidla fil-mudell ekonomiku kif ukoll li pajjiżna jaddotta pjan li jħares lejn l-għaxar snin li ġejjin.
Apparti minn hekk, skont il-parteċipanti l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna huma n-nuqqas ta’ governanza tajba, il-korruzzjoni kif ukoll il-popolazzjoni.
Waqt il-konferenza intqal li n-nuqqas ta’ governanza tajba torbot mal-iskandli li qed nisimgħu ta’ kuljum kif ukoll b’rabta mal-kawża li għaddejja fil-Qorti dwar id-deal frawdolenti tal-isptarijiet – skandli li jtappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li 79% jemmnu li pajjiżna qabad id-direzzjoni l-ħażina.
Intqal ukoll li fit-tieni kwart ta’ din is-sena l-inflazzjoni kompliet tonqos – xi ħaġa li kienet imbassra mill-Bank Ċentrali Ewropew. Pero’, sostnew li l-iskema Stabbiltà ma kelliex impatt materjali – għaliex tinkludi ftit prodotti biss.
Intant, ir-rakkomandazzjonijiet minn dan l-istħarriġ jinkludu li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jiffoka biex jikseb il-fiduċja tal-ekonomija kif ukoll li s-settur pubbliku jrid jaċċerta aktar minn qatt qabel il-governanza tajba.
Ġie rakkomandat ukoll li l-Gvern joħloq strateġija li tindirizza l-isplużjoni fil-popolazzjoni billi jkun hemm bidla fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna kif ukoll li jkun hemm riforma fil-public procurement sabiex tkun assigurata t-trasparenza.
//= $special ?>