Lokali

Tkompli toħroġ b’mod evidenti l-qasma fi ħdan il-Partit Laburista

Wara li l-Partit Laburista għamel kampanja sħiħa jimbotta attakki bla bażi fuq il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, numru ta’ esponenti Laburisti issa bidlu d-diska u spiċċaw jawgurawlha wara li ġiet eletta mill-ġdid fit-tmexxija ta’ dan il-Parlament – diskors li kien ikkritikat minn bosta, illi qed iħossu li l-Partit Laburista qed jiżgwida lill-poplu jum wara l-ieħor.

Matul il-jum tat-Tlieta, l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew għat-tieni terminu hekk kif kisbet ‘il fuq minn 90% tal-voti – bl-MEPs tal-Labour Alex Agius Saliba u Daniel Attard ma jivvutawx. Biex spiċċaw marru għalkollox kontra l-ordnijiet ta’ Robert Abela.

F’post fuq il-midja soċjali eżatt wara dan il-vot, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef, li se jwarrab mill-kariga fil-ġimgħat li ġejjin, awgura lil Roberta Metsola għar-riżultat storiku li kisbet.

Għalkemm fil-kummenti, il-partitarji Laburisti spiċċaw jikkritikawh hekk kif qalu li l-Partit tagħhom ġurnata jgħid mod u f’ġurnata oħra jbiddel id-diska – bil-Laburist ġenwin qed ikompli jbati.

Kummenti oħra rrimarkaw kif nies bħal Daniel Micallef se jkunu responsabbli tat-tkissir tal-Partit Laburista – b’numru kbir ta’ kummenti jirrimarkaw li mhumiex sodisfatti bit-tmexxija preżenti. Aktar u aktar wara li l-Labour tilef siġġu fil-Parlament Ewropew, u tilef it-tmexxija ta’ bosta Kunsilli Lokali.

Fil-fatt, numru ta’ partitarji oħra sostnew kif il-Labour ma tgħallem xejn minn dan ir-riżultati tal-elezzjonijiet li għaddew hekk kif tilfu eluf ta’ voti u xorta komplew għaddejjin l-istess.