Ewropa Internazzjonali

Vot li se jiddetermina l-futur ta’ Von Der Leyen fl-Ewropa

Ritratt: Le Monde

Il-jum tal-Ħamis se jiddetermina jekk il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen hux se tkun l-ewwel mara li tagħmel żewġ termini tmexxi din l-istituzzjoni.

Għall-ħabta tas-1 ta’ waranofsinhar il-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu qed jivvutaw jekk Von Der Leyen għandhiex tkompli bit-tieni terminu tagħha fejn trid takkwista tal-anqas 361 voti minn 720 MEP.

Skont l-aġenda tal-Parlament Ewropew, fid-9 ta’ filgħodu Ursula Von Der Leyen se tkun qed tindirizza lil dawk preżenti. U wara se jkun hemm dibattitu li jintemm fil-11:00 ta’ filgħodu.

Wara li ssir il-votazzjoni, ir-riżultat se jkun magħruf għall-ħabta tat-2:45pm.

F’każ li Von der Leyen ma ġġibx l-ammont ta’ voti meħtieġa, il-mexxejja fi ħdan l-Unjoni Ewropea se jkollhom jinnominaw persuna oħra. Għalkemm kollox qed jindika li Ursula Von der Leyen kapaċi ġġib il-maġġoranza meħtieġa.

Apparti minn hekk, diġa’ saret ukoll l-elezzjoni għall-Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew….fejn b’kollox ġew eletti 14, 11-il Viċi President ġew eletti wara l-ewwel rawnd ta’ votazzjoni, filwaqt li t-3 l-oħra ġew eletti fit-tieni rawnd.

Il-Viċi President li ġabet l-aktar voti kienet Sabine Verheyen b’604 voti u li ġejja mill-akbar grupp politiku fl-Ewropa; l-EPP – l-istess grupp li tifforma parti minnu l-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola.

Intant, matul il-jum tal-Erbgħa saret l-elezzjoni tal-Quaestors tal-Parlament fejn b’kollox ġew eletti ħamsa. Fil-passat, anke l-MEP Malti David Casa kien irnexxielu jokkupa din il-kariga importanti.