Lokali

“Bla prinċipju” – il-vot ta’ Agius Saliba u Daniel Attard ħoloq rebus fil-Labour

Il-firda fil-Partit Laburista qed tkompli tinkixef u tidher biċ-ċar jum wara l-ieħor bejn faxxa u oħra – dik ta’ Robert Abela u Joseph Muscat.

Kapitlu ieħor li qed jikxef din l-inkonsistenza u inkwiet li hemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hija l-kwistjoni tal-vot tal-Presidenza Ewropea ta’ Roberta Metsola hekk kif it-Tlieta filgħodu l-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard astenew millli jivvotaw – dan minkejja li d-direzzjoni tal-Mexxej Laburista Robert Abela kienet waħda ċara favur Metsola.

Tali pass meħud miż-żewġ MEPs li ġejjin mill-faxxa ta’ Joseph Muscat urtat lil Abela u t-tim tiegħu, fost oħrajn lill-preżentatur u esponent Laburista Manuel Micallef fejn fuq il-midja soċjali saħaq li “m’hemmx prinċipju f’astensjoni.”

Għaldaqstant, huwa ċar li Micallef qiegħed jipponta subajgħ fil-konfront ta’ Agius Saliba u Attard u qalilhom mingħajr prinċipju – għad-differenza tal-MEP Thomas Bajada li obda l-ordnijiet ta’ Abela u vvota favur Metsola.

Mill-banda l-oħra, l-uffiċjal tal-Gvern u eks Segretarju Ġenerali tal-Labour, Jason Micallef, attakka lill-media indipendenti għaliex skont hu qed iwettqu ‘bullying’ fuq sħabu għax huma “żammew konsisteni u kelmthom mal-elettorat” botta ċara u tonda fil-konfront ta’ Robert Abela li bosta Laburisti qed jgħidu li biddel in-narrattiva tiegħu fil-konfront ta’ Roberta Metsola.