Futbol Sport

Gowl fil-ħin miżjud jelimina lil Marsaxlokk mill-Conference League

(Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)

Rowen Camilleri

MARSAXLOKK…………………………1 (2)

FK PARTIZANI………………………….2 (3)

Marsaxlokk: M. Drobnjak, Jefferson (P. Nonato 90+6’), K. Micallef, N. Muscat (J. Ghio 77’), Y. Messias, L. Lopez, A. Tank, L. Aguirre, N. Radjen, R. Scicluna, I. Goularte (J. Walker 81’)

FK Partizani: P. Qirko, A. Hadroj, S. Sembene, A. Bytci, V. Zguro, V. Murataj (A. Mehmeti 8’), M. Gueye, A. Rrapaj, A. Bintsouka (C. Mba 71’), T. Cara (A. Keko 87’), P. Buxhelaj

Imwissija: N. Muscat 17’ A. Tank 90’, M. Drobnjak 90+6’ (M), A. Mehmet 41’, , M. Gueye 76’, C. Mba 90+6’ (P)

Skorjaw: Y. Messias 46’ (M), T. Cara 48’, A. Keko 90+3’ (P)

Referee: Igor Stojchevski (MKD)

Assistenti Referees: Kushtrim Lika u Daniel Vasilevski (MKD)

Minkejja l-prestazzjoni mill-aqwa fiż-żewġ partiti mill-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-Conference League, gowl fit-tielet minuta tal-ħin miżjud mis-sostitut Albers Keko, ikkastiga lil Marsaxlokk u eliminhom b’aggregate ta’ 3-2.

Kienu x-Xlukkajri li fetħu l-iskor sekondi biss mill-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ Yuri Messias, iżda Partizani ġabu d-draw żewġ minuti wara biex imbagħad, meta kollox deher li l-logħba kienet sejra għall-ħin miżjud, Partizani skorjaw il-gowl li bih qatgħu passaġġ għar-round li jmiss.

Partizani mill-ewwel dehru li se jieħdu l-logħba f’idejhom u wara 12-il minuta Drobnjak ikun protagonist għax-Xlukkajri meta wettaq save importani minn quddiemu fuq Tedi Cara.

Marsaxlokk bl-ewwel azzjoni lejn il-lasti tal-avversarji fis-26 minuta meta Goularte għadda lejn Messias, iżda l-konklużjoni tan-numru 10 ta’ Marsaxlokk tmur barra.

Sekondi wara, Partizani jkunu sfortunati meta Rrapaj għadda lejn Bintsouka li żmarka ruħu u kkonkluda mill-ewwel, iżda bi Drobnjak megħlub għalkollox, il-ballun jaħbat mal-mimduda u Marsaxlokk jeħilsuha ħafif.

L-Albaniżi jkomplu jinsistu u fis-36 minuta Rrapaj jipprova xutt minn tarf il-kaxxa li Drobnjak kellu jilqa’ f’żewġ tentattivi, b’din tkun l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima fejn minkejja l-pressjoni ta’ Partizani fl-ewwel 45 minuta, l-iskor baqa’ ma nfetaħx.

Bidu mill-aqwa għal Marsaxlokk fit-tieni taqsima fejn wara biss 40 sekonda jiftħu l-iskor meta Nikolai Muscat għadda lejn Yuri Messias li pprova minn barra l-kaxxa bil-ballun jaħbat mal-mimduda u jispiċċa fix-xibka.

Madankollu Partizani ma damux ma reġgħu għamlu l-iskor indaqs proprju fit-48 minuta fejn il-pass ta’ Hadroj sab lil Tedi Cara fil-pożizzjoni t-tajba li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Drobnjak.

Marsaxlokk perikolużi fit-58 minuta meta minn kross ta’ Aguirre kien Goularte li għola tajjeb u d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet imdawra f’korner minn Qirko.

Minuta wara Partizani jfallu ċans tad-deheb fejn wara li Buxhelaj laqat ħażin, il-ballun waqa’ f’saqajn Bintsouka li minn taħt il-lasta spara għoli.

Drobnjak isalva lil Marsaxlokk fis-86 minuta meta minn azzjoni peronali kien Arinaldo Rrapaj li b’veloċità baqa’ dieħel sa quddiem il-goalkeeper Serb li min-naħa tiegħu wettaq save mill-aqwa biex żamm l-iskor f’parità.

Iżda sfortuna kbira għal Marsaxlokk fejn meta kollox kien qed jindika li l-logħba kienet sejra għall-ħin barrani, fit-tielet minuta tal-ħin miżjud Partizani jiskorjaw permezz tas-sostitut Albers Keko li rċieva mingħand Hadroj u minn quddiem Drobnjak tefa’ ġewwa.

Minkejja l-protesti tax-Xlukkajri għall-pożizzjoni rregolari ta’ Keko, il-gowl kien ikkonvalidad u t-tim immexxi minn Winston Muscat sfortunatament safa eliminat b’aggregate ta’ 3-2.

(Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)