Lokali

Il-konsumaturi Maltin u Għawdxin jippretendu l-verità kollha – PN

Miriam Dalli għandha ħafna xi twieġeb

Wara l-blackouts li qed iseħħu madwar Malta u Għawdex, bosta Maltin u Għawdxin qed ibatu l-konsegwenzi għal dan in-nuqqas u bqajna bla tweġiba għal ħafna domandi. Kellna qtugħ ta’ dawl mifrux f’diversi bnadi tal-pajjiż, b’mod partikolari anki f’Għawdex din il-ġimgħa, u qtugħ li affettwa lit-Tramuntana ta’ Malta wkoll. Għal dawn iz-zoni l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Enemalta kienet li dan seħħ minħabba li “It-Tlieta filgħaxija żviluppa nar f’wieħed mill-cables, bil-konsegwenza li kien hemm interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku lejn Għawdex.”

Stqarrijiet bħal dawn iktar iqajmu dubju milli jserrħu ras il-konsumaturi dwar dak li qed iseħħ fid-distribuzzjoni tal-enerġija f’pajjiżna. 

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob sabiex il-Ministru Miriam Dalli tkun trasparenti mal-Maltin u tgħid mhux biss il-punt speċifiku fejn seħħ dan l-inċident, iżda x’kienet il-kawża ta’ dan in-nar. In-nar ma jinħoloqx waħdu, iżda jkun hemm konsegwenza li twassal għal dan. 

Huwa inaċċettabbli kif l-informazzjoni dwar l-operat tal-Enemalta qed tinħeba b’mod konsistenti. Din il-ġimgħa rajna kif l-Enemalta ma kienetx qed tirrapporta l-qtugħ tad-dawl fuq il-mappa tal-portal tagħha, partikolarment meta Għawdex kien fi blackout. Daqstant ieħor huwa inaċċettabbli li l-konsumaturi huma mistennija jaċċettaw stqarrija xotta tal-Enemalta dwar dak li ġara nhar it-Tlieta. 

Il-Ministru għandha tagħti din l-informazzjoni immedjatament. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jikkunsidra passi ulterjuri.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus.