Lokali Unjoni Ewropea

Illum il-vot għal Von der Leyen: Robert Abela favur; Agius Saliba jindika li kontra

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba indika li fil-vot kruċjali tal-lum fil-Parlament Ewropew mhux se jkun qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. B’hekk reġa indika li lest imur kontra d-direzzjoni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

F’kummenti ma’ netnews.com.mt, Alex Agius Saliba, li xogħlu hu li jagħti d-direzzjoni lill-MEPs Daniel Attard u Thomas Bajada kif għandhom jivvutaw, qal li l-kunsiderazzjonijiet dwar prinċipji li ħa meta ddeċieda li ma jivvutax lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola se jkun qed jeħodhom għada wkoll dwar Ursula von der Leyen.

Hawnhekk, Agius Saliba rrefera għaż-żjara tal-kapijiet tal-istituzzjonijiet f’Iżrael, fid-dawl tal-attakk terroristiku tal-Hamas.

L-MEP tal-Partit Laburista qal li fil-vot tal-lum mhux se jkun qed jastjeni, u għalhekk, l-indikazzjoni hi li se jkun qed jivvota kontra. Dan għaliex, fi kliemu, ma jista’ qatt jaqbel mal-pożizzjoni li ħadet Ursula von der Leyen fil-gwerra tal-Lvant Nofsani. Hu żied jgħid li bħalma ilbieraħ u llum ma ddejjaqx imur kontra il-grupp tas-Soċjalisti fil-voti li ħa, mhux se jiddejjaq imur kontra l-grupp li jifforma parti mill-amministrazzjoni tiegħu għada.

Agius Saliba qal li Von der Leyen għad trid twieġeb għal-lista ta’ prijoritajiet li intbgħatu lilha mill-grupp tas-Soċjalisti, u sakemm tagħmel dan ma jistax jiddikjara eżattament kif se jivvota.

It-Tlieta, id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew kienet maqsuma, bi tnejn mid-deputati ma kienux fost id-90.2% tal-MEPs li vvutaw favur Roberta Metsola. Vot kontra Von der Leyen għada jkun ifisser li l-Prim Ministru Robert Abela ikun tilef ir-riedni għal kollox tal-MEPs tiegħu, wara li hu stess ivvota biex Von der Leyen tkun approvata mill-Kunsill Ewropew biex tiġi eletta mill-ġdid bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Madanakollu, vot favur Von der Leyen għada minn Agius Saliba u Daniel Attard joħroġ biċ-ċar kemm ir-raġuni li taw biex ma appoġġjawx lil Metsola kienet biss skuża.