Internazzjonali

It-tellieqa għall-White House: Tħassib akbar dwar il-kapaċitajiet tal-President Biden – fost id-diskors dwar ‘suċċessuri potenzjali’ fil-kamp tad-Demokratiċi

L-ogħla uffiċjali fil-Partit Demokratiku qed jesprimu aktar fil-beraħ ix-xettiċiżmu dwar kemm il-President Amerikan Joe Biden hux f’sikktu jew kapaċi biżżejjed biex jikkuntesta għal erba’ snin oħra ta’ tmexxija fuq it-tikketta tal-partit.

U d-domandi dwar Biden qed jiżdiedu meta l-attivitajiet tal-kampanja tiegħu jinsabu ffriżati minħabba li hu qed ibati mill-effetti tal-Covid-19.

L-aktar żewġ Demokratiċi prominenti fil-Kungress Amerikan – Chuck Schumer, bħala l-Kap tal-Maġġoranza fis-Senat, u Hakeem Jeffries li hu l-Kap tal-Minoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti – it-tnejn iltaqgħu ma’ Biden biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-kandidatura tal-President.

Il-laqgħat kienu separati waqt li l-Istazzjon CNN irrapporta li Nancy Pelosi, l-Eks Speaker tal-Kamra u alleata antika ta’ Biden, ukoll iltaqgħet fil-privat mal-President u qaltlu li hu ma jistax jegħleb lill-kandidat Repubblikan – u Eks President Amerikan – Donald Trump fl-elezzjoni ta’ Novembru.

Il-kampanja ta’ Biden għal tieni terminu ta’ poter ilha l-ġimgħat ‘taħt sħaba griża’  fost il-pessimiżmu tad-Demokratiċi li xxukkjaw ruħhom bil-wirja fqira tal-President waqt id-dibattitu wiċċ imb wiċċ ma’ Donald Trump li sar ix-xahar li għadda fl-Istat ta’ Atlanta.

Sadanittant, l-uffiċjali madwar Biden, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li hu jinsab marid bil-Covid u li qed ibati sintomi ħfief tal-virus. Sadanittant, Joe Biden f’dawn il-jiem se jibqa’ iżolat fid-dar tiegħu f’Delaware fejn għandu jieħu ħsieb l-impenji tal-kampanja. L-aħbar dwar il-kundizzjoni ta’ Biden saret magħrufa wkoll wara li hu kien indirizza lill-partitarji Demokratiċi waqt avveniment  f’Las Vegas. Ir-rally inkwistjoni kien tentattiv biex id-Demokratiċi jkattru mill-ġdid l-appoġġ fost il-votanti Ħispaniċi  li skont l-aħħar stħarriġ qegħdin jixxaqilbu aktar lejn il-Partit Repubblikan.

Mistenni wkoll li s-sejħiet biex Biden ma jikkuntestax l-elezzjoni ta’ Novembru jiżdiedu sew matul il-jiem li ġejjin – bid-Demokratiċi jittamaw li l-introduzzjoni ta’ kandidat ieħor floku sservi biex tiġġenera mill-ġdid l-entużjażmu fil-kamp tagħhom.

Id-donaturi ewlenin lill-Partit Demokratiku qed jippromwovu lil Gretchen Whitmer, il-Gvernatur ta’ Michigan u Gavin Newsom, il-Gvernatur ta’ Kalifornja, bħala ‘l-favoriti’ biex jieħdu post Biden fit-tellieqa. Dan waqt sitwazzjoni li qed tirrifletti l-frustrazzjoni fost l-uffiċjali Demokratiċi u s-sostenituri l-oħra tal-partit dwar il-futur inċert tal-President Amerikan.


Numru ta’ donaturi qalu wkoll li l-kampanja ta’ Biden, sempliċiment, qed titfa’ lura l-proċess tas-suċċessjoni ( għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku) li qed jidher inevitabbli u meta fadal biss ftit xhur qabel l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Jidher ukoll li Chuck Schumer u Hakeem Jeffries qalu ċar u tond lil Biden li jekk hu jkompli bil-kandidatura għall-White House, dan għandu jaffettwa ħażin iċ-ċansijiet tagħhom li jikkontrollaw iż-żewġ  Kmamar tal-Kungress ta’ Washington.

Iżda hu minnu wkoll li Biden qed iwebbes rasu u bl-ebda mod ma jrid jirtira mit-tellieqa. Fil-fatt, Andrew Bates, bħala l-kelliem għall-White House, qal li l-President informa lil Schumer u Jeffries li hu ‘għadu l-Kap tal-Partit Demokratiku’  u li qed jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti biex jirbaħ tieni mandat.

Fl-istess ħin, Biden qal li jinsab ‘ħerqan’ biex ikompli jaħdem, flimkien ma’ Schumer u Jeffries, biex, flimkien, jirrealizzaw il-programm elettorali tal-Partit Demokratiku bil-ħsieb li minnu ‘jibbenefikaw l-Amerikani kollha’.