Lokali

Jitolbu lil Robert Abela biex jiftaħ inkjesta pubblika dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali

Il-poplu jeħtieġ ikun jaf il-verità kollha – is-skiet u n-nuqqas ta’ azzjoni qed isaħħu l-inkwiet tagħna. Għalhekk, jeħtieġ tinfetaħ inkjesta pubblika li tikxef min naqas u min ħeba fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.

Dan huwa l-appell li qed jagħmlu f’ittra uffiċjali ppreżentata lill-uffiċċju tal-Prim Ministru mill-għaqda Repubblika, flimkien mal-UĦM – Voice of the Workers, il-KSU, l-Aditus, Graffitti, Kopin, Daphne Caruana Galizia Foundation, manueldelia.com u Occupy Justice hekk kif ilkoll qed jappellaw biex toħroġ il-verità kollha.

F’indirizz lill-media, il-President tal-Għaqda Repubblika Vicky Anne Cremona saħqet li l-għaqdiet u l-korpi kostitwiti jinsabu mħassbin bil-cover-up wara l-iskandlu tal-benefiċċji li suppost marru għal persuni b’diżabbiltà severa.

Hija spjegat li l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, ċioè  Roger Agius, tkellem dwar l-involviment ta’ uffiċċjali għolja u ministri filwaqt li allega li dawn kienu involuti fl-allegat cover-up.

Ma’ Net News, Cremona saħqet li l-inkjesta pubblika hija essenzjali li ssir sabiex jinkixef min hu ħati, u min huwa wara l-allegat cover-up inkluż, allegatament uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija. Inkjesta tikxef ukoll jekk min qed jagħmel dawn l-allegazzjonijiet serji hux qed jigdeb jew le – bil-għan li verament issir ġustizzja.

Il-President tal-għaqda Repubblika insistiet li dan l-allegat frodi elettorali biex inxtraw il-voti għandu joħroġ fil-beraħ grazzi wkoll għall-whistleblowers madanakollu saħqet li bil-liġi preżenti kif inhi – li l-uffiċċju tal-Prim Ministru biss għandu s-setgħa li jagħti dan l-istatus…hija impossibbli li s-sigurtà ta’ min jikxef tiġi mħarsa…tant li Jonathan Ferris fix-xhur u snin li għaddew kellu jfittex kenn fil-Qrati.

Intant hija insistiet li Robert Abela għandu jiftaħ inkjesta pubblika u m’għandux ikaxkxar saqajh bħal ma ġara fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia u Jean Paul Sofia.

Finalment Cremona spjegat li dan l-iskandlu mhux każ iżolat hekk kif il-poplu konxju b’dak li seħħ fi Transport Malta. Dan apparti li issa qed jiġi żvelat skandlu ieħor, https://netnews.com.mt/2024/07/18/qed-tixghel-bozza-hamra-alan-deidun-dwar-l-ilma-hadrani-fil-bajja-tal-balluta/f’Identity Malta.