Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara inċident f’San Pawl il-Baħar

L-Erbgħa għall-ħabta tas-sebgħa u kwart ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku f’Dawret San Pawl, San Pawl il-Baħar

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Honda u żewġ karozzi, Peugot 3008 misjuqa minn raġel ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar u Peugeot 308 misjuqa minn raġel ta’ 52 residenti San Pawl il-Baħar. Fl-inċident il-mutur ħabat ukoll mal-barrikati li hemm fi triq.

Is-sewwieq tal-mutur, mara ta’ 66 sena residenti San Ġwann ingħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura medika, fejn ġiet ċċertifikata li kellha ġrieħi serji.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici kien infurmat u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.