‘Ejja naħdmu biex naraw Ewropa li tagħti d-drittijiet mhux biss liġijiet. Petizzjonijiet miċ-ċittadini jistgħu jgħinuna nindirizzaw oqsma fejn id-drittijiet tal-UE mhux qed jilħqu l-benefiċjarji maħsuba.’ qal l-MEP Peter Agius wara l-elezzjoni tiegħu bħala Deputat Koordinatur tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew, pożizzjoni fdata lilu mill-appoġġ unanimu tal-kollegi tiegħu fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).
Peter Agius qal li se jkun qed jaħdem f’dan ir-rwol mal-MEP Spanjola Alma Ezcurra mill-Partit Popolari Spanjol, biex jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom rimedji effettivi meta l-liġijiet tal-UE ma jagħtux ir-riżultati mwiegħda.
Il-koordinaturi fi ħdan il-Parlament Ewropew jippermettu lill-MPE jifformaw l-aġenda u l-prijoritajiet tal-kumitati rispettivi. L-MEP Peter Agius qal li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista’ jkollu rwol ċentrali biex jindirizza setturi fejn ma jaslux id-drittijiet tal-UE minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni xierqa fl-istati membri. ‘Kif wiegħed waqt il-kampanja elettorali f’Malta, irrid niżgura li d-drittijiet tal-UE jaslu għand iċ-ċittadini kollha ta’ Malta u Għawdex. Dan ir-rwol iressaqni pass eqreb biex nassigura dan.’ temm jgħid l-MEP Peter Agius.
//= $special ?>