Internazzjonali Unjoni Ewropea

Ursula Von Der Leyen eletta bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea b’401 vot

Il-kandidat tal-EPP Ursula Von Der Leyen reġgħet ġiet eletta bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea għat-tieni mandat ta’ 5 snin. Hi kellha bżonn 360 vot biex tiġi eletta, iżda hi rnexxiela tikseb 401 vot.

Qabel saret l-elezzjoni, Von Der Leyen indirizzat il-Parlament Ewropew f’seduta mmexxijja mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fejn sostniet il-prijoritajiet li se taħdem fuqhom jekk terġa’ tingħata l-fiduċja biex tkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Von der Leyen bdiet id-diskors tagħha billi awgurat lil Roberta Metsola għall-elezzjoni tagħha għat-tieni mandat bħala l-President tal-Parlament Ewropew.

Fid-diskors tagħha hi semmiet id-diversi prijoritajiet li se tkun qed taħdem fuqhom bħala President tal-Kummissjoni – fosthom il-prosperità u l-kompettività tal-Ewropa, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, u s-sigurtà.

Hi semmiet ukoll il-bżonn li jsir iżjed investiment madwar l-Ewropa, ħalli l-Ewropa ssir id-dar tal-innovazzjoni. Tant li se taħdem biex isir fond apposta iffukat fuq l-investiment.

Il-kandidat Von Der Leyen sostniet ukoll l-importanza li l-Ewropa tkompli tiġġieled kontra l-korruzzjoni madwar l-Ewropa, filwaqt li tixtieq ukoll li l-Europol u Frontex jissaħħu sabiex ikomplu jiġġieldu favur is-sigurtà tal-Ewropa.

L-Unjoni Ewropea għandha rwol b’saħħtu f’livell internazzjonali, u b’hekk se jkomplu jagħtu sapport lill-Ukrajna u l-Lvant Nofshani sabiex ikun hemm il-paċi.

Hi semmiet ukoll li se tkun qed taħdem biex tiġġieled kontra l-online bullying u s-cybercrime, kif ukoll kontra d-disinformazzjoni – kollha riskji li qed ikomplu jiżdiedu matul is-snin.