Sport

Clint Vassallo t-tielet fil-Kampjonat Ewropew għal Sewwieqa Amateurs 2024

Il-Kampjonat Ewropew għas-Sewwieqa Amateur organizzat mill-FEGAT ġie fi tmiemu bi prestazzjoni oħra pożittiva għal Malta rappreżentata minn Clint Vassallo. Organizzat fil-Belġju, dan il-kampjonat ra 13-il parteċipant minn madwar l-Ewropa kollha jsuqu erba’ tiġrijiet fuq jumejn fil-korsa ta’ Oostende u ta’ Mons.

Clint Vassallo kellu riżultati alternanti matul l-erba’ tiġrijiet, però bis-sewqan eċċellenti tiegħu anke fuq żwiemel diffiċli irnexxielu jikseb l-aħjar riżultati possibbli meta wieħed iqis iż-żwiemel għad-dispożizzjoni tiegħu.

Il-Mati Clint Vassallo beda bi pjazzament fir-raba’ post tajjeb fuq Just To Win, u aktar tard għalaq fis-seba’ post fuq Iconoclaste fit-tieni tiġrija tal-ġurnata. B’xorti tajba anke s-sewwieqa l-oħra fil-kampjonat kellhom riżultat pożittiv u negattiv fit-tiġrijiet li saru f’Oostende. Għaldaqstant Vassallo għalaq l-ewwel ġurnata fir-raba’ pożizzjoni bi 17-il punt.

L-għada fil-korsa ta’ Mons, Clint Vassallo rnexxielu jagħlaq fit-tielet post fl-ewwel tiġrija fuq id-debba Belġjana Ona Ter Putten. Dan ir-riżultat għenu jitla’ fit-tielet post wara s-sewwieq Belġjan Piet Van Pollaert u s-sewwieq Awstrijak Thomas Royer. L-aħħar tiġrija kienet kruċjali biex jiġi ddeterminat ir-rebbieħ u Clint Vassallo kellu wieħed mill-favoriti tat-tiġrija f’Kimberly du Loisir. Minkejja li Clint Vassallo kellu tiġrija tajba wara dahar il-leader tul it-triq kollha, id-debba Franċiża tiegħu għajjiet fl-aħħar 200 metru u Clint Vassallo spiċċa fis-sitt post, bis-sewwieq Awstrijak fil-ħames puzizzjoni u s-sewwieq Belġjan fit-tmin poost.

Dan ir-riżultat għen lil Clint Vassallo jikkonsolida t-tielet post tiegħu u jersaq lejn is-sewwieq li jinsab fit-tieni post.

Din kienet wirja tajba oħra minn sewwieq Malti f’avveniment internazzjonali ieħor. Il-Malta Racing Club, bl-appoġġ ta’ EquestriMalta, jibqa’ kommess li jkompli jagħti lill-parteċipanti Maltin l-opportunitajiet kollha disponibbli biex juru t-talent tagħhom fuq ix-xena internazzjonali.