Lokali

“Edukazzjoni li qed tfalli lil uliedna” – PN

Fi stqarrija, Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja, flimkien mall-Partit Nazzjonalista, feraħ lill-istudenti kollha li kisbu marki inkoraġġanti tal-O’Levels li ħarġu matul din il-ġimgħa, u jagħmel il-qalb lill-istudenti li ma ġabux il-marki li xtaqu. Madankollu juri t-tħassib tiegħu għall-prestazzjoni xejn pożittiva b’mod ġenerali tal-istudenti Maltin fis-suġġetti tal-Ingliż, tal-Malti u tal-Matematika fost l-oħrajn, u jsejjaħ lill-Gvern biex jagħmel analiżi profonda sabiex ikunu identifikati l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-istudenti Maltin fis-suġġetti ewlenin li fihom qed jidhru xejriet inkwetanti ferm minn sena għal oħra. 

Huwa evidenti li s-sistema edukattiva qiegħda tfalli lill-istudenti Maltin mill-aspett akkademiku, u minkejja li Malta, skont rapporti tal-Kummissjoni Ewropea għandha nefqa konsiderevoli għall-qasam edukattiv, ir-riżultati jibqgħu jikxfu l-livell xejn sodisfaċenti miksub mill-istudenti Maltin fi tmiem it-traġitt tal-edukazzjoni obbligatorja tagħhom.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem li l-kejl edukattiv m’għandu qatt ikun esklussivament imkejjel bir-riżultati tal-O’Levels, jifhem li f’sistema li tiddependi fuq il-marka tal-O’Level, tali riżultati huma imperattivi. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jqis l-importanza tal-assessjar kontinwu fil-forma ta’ SBAs li ser ikunu inklużi fil-marki tal-O’Level mis-sena d-dieħla għaliex jemmen fl-iżvilupp olistiku tal-istudenti li jifformaw ruħhom matul il-perkors edukattiv aktar milli jinformaw ruħhom għall-eżamijiet tal-aħħar. 

Għall-Partit Nazzjonalista, huwa inkwetanti ferm li minn 4,519-il student/a li poġġew għall-Ingliż, għandna 1,149 ma ġabux marka bejn 1 u 5; minn 3,968 li qagħdu għall-Malti, għandna 1,218 ma ġabux marka bejn 1 u 5; waqt li minn 4,622 li resqu għall-Matematika, għandna 1,838 li wkoll ma kisbux grad bejn 1 u 5. L-istatistika turi li fl-Ingliż, fil-Malti u fil-Matematika kienu 70.6%, 64% u 51.8% rispettivament li ġabu grad bejn 1 u 5. 

Huwa inkwetanti wkoll li s-suġġetti tal-Information Technology u tal-Computing mhumiex jattiraw biżżejjed żgħażagħ li jersqu għall-O’Level. Din l-istatistika tikkonferma li għalkemm il-focus akkademiku fis-sistema edukattiva Maltija jdur fuq is-suġġetti ewlenin, il-prestazzjonijiet tal-istudenti mhumiex komparabbli. Dan juri, li allura Malta għandha żewġ problemi fundamentali: dik akkademika u dik vokazzjonali jew applikata li mhix tattira biżżejjed studenti u fejn qed tattira mhix tingħata biżżejjed prominenza. 

Justin Schembri sostna li bħalma diġà afferma l-Partit Nazzjonalista, ebda Strateġija Nazzjonali u ebda Ftehim Settorjali mhu se jindirizza l-isfidi serji li għandha s-sistema Maltija jekk ma jkunx hemm intervent b’implimentazzjoni prattika u li tiffoka kompletament fuq l-individwu biex tgħin lit-tfal Maltin jifformaw ruħhom aħjar. Dan jista’ jsir biss jekk l-għalliema u l-edukaturi kollha jingħataw ir-riżorsi kollha biex joperaw fl-aħjar interess tat-tfal Maltin li mis-snin bikrin qed juru li mhumiex jaddattaw għal sistema li baqgħet tqis lil kulħadd xorta bla metodi inklussivi effettivi u li jagħmlu differenza bejn l-edukazzjoni formali u informali fil-qafas tal-iskejjel Maltin. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jinvesti serjament fis-snin bikrin biex tissaħħaħ il-ġenerazzjoni li tielgħa b’obbligu lejn kull tifel u tifla, b’inklinazzjonijiet akkademiċi, vokazzjonali jew applikati sabiex kulħadd jifforma ruħu u jkun mgħarraf bl-aktar ħiliet bażiċi fosthom il-ħsieb kritiku, l-użu tat-teknoloġija u l-informatika, il-komunikazzjoni effettiva b’mod bilingwu.

Għall-Partit Nazzjonalista, kull student jista’ jirnexxi, u kull student għandu jirnexxi.