Sport

Għawma simboliku fix-xmara Seine qabel iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob Olimpiku

Is-Sindku ta’ Pariġi Anne Hidalgo, Tony Estanguet, President tal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku, u Marc Guillaume, Prefett tar-reġjun ta’ Ile-de-France, ħadu sehem f’għawma simboliku fix-xmara Seine jiem qabel iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob Olimpiku li se ssir fl-istess post.

L-awtoritajiet Franċiżi investew f’faċilitajiet ġodda ta’ trattament u ħażna tal-ilma f’Pariġi u l-madwar, kif ukoll jiżguraw li eluf ta’ djar u dgħajjes fil-kanal ma jsofrux mill-ilma mormi mis-sistema tad-drenaġġ. 

Hidalgo spjegat li kieku ma kienx għall-Olimpijadi u l-pressjoni minn Tony Estanguet, ma kienx isir ix-xogħol kollu, għax il-Logħob kien li heġġeġ lil awtoritajiet biex jgħamlu dak li kien meħtieġ. Fix-xmara Seine,  sa kemm sar xogħol ta tindif, problemi kbar kienu jaħkmu s-sistema tal-ilma mormi taħt l-art ta’ Pariġi, li jwassal għal żbokk ta’ drenaġġ mhux ittrattat fis-Seine.

L-avvenimenti Olimpiċi jibqgħu jiddependu mit-temp u xita qawwija lejlet it-triathlon jew għawm fil-miftuħ. Fl-agħar xenarju, l-għawm għat-triathlon ikun ikkanċellat, filwaqt li l-għawm fil-miftuħ jista’ jiġi mċaqlaq mis-Seine għal korsa tal-ilma fil-Lvant ta’ Pariġi. 

Ix-xita qawwija f’Mejju u Ġunju fixklu wkoll it-tħejjijiet għaċ-ċerimonja tal-ftuħ ibbażata fuq Seine, li matulha eluf ta’ atleti se jkunu fuq ix-xmara.

L-organizzaturi kellhom jipposponu l-provi għal bosta drabi minħabba s-saħħa tal-kurrenti fejn l-influss tas-Seine  bħalissa huwa ta’ madwar 400 metru kubu fis-sekonda.