Lokali

Il-Gvern jintroduċi stewards biex iżomm l-ordni fil-Belt Valletta

Il-Gvern ħabbar li tim ta’ stewards sabiex jassistu fiż-żamma tal-ordni fil-Belt Kapitali.

Dan hekk kif dawn il-persuni bl-uniformi se jkunu qed iwettqu r-rondi fil-Belt Valletta filgħodu u filgħaxija għaliex skont sorsi qrib il-Korp, il-Pulizija mhux qed tlaħħaq mar-rondi fil-Kapitali sforz in-nuqqas ta’ reklutaġġ.

L-istewards se jkunu qed jagħtu sostenn lill-pulizija iżda l-irwol tagħhom primarjament se jkun qiegħed iservi ta’ deterrent għal illegalitajiet fil-Belt, partikolarment ukoll vandaliżmu u ġlied.

Madanakollu l-Gvern iddeċieda li ma joffrix aktar dettalji dwar l-irwoli ta’ dawn il-persuni jew saħansitra xi kwalifikazzjoni jew esperjenza wieħed se jkollu biex jingħata dan l-impjieg.

Lanqas ma ngħatat informazzjoni dwar xi drittijiet steward se jkollu biex ikun jista’ jkopri l-impjieg tiegħu kif suppost.