Ambjent Lokali

Il-ħames bejta ta’ fekruna tal-baħar fl-2024 fil-bajja tal-Ġnejna 

L-ERA tħabbar li l-ħames bejta ta’ fekruna ta’ dan l-istaġun intlemaħ fil-Ġnejna, il-Ħamis filgħaxija minn membru tal-pubbliku. Uffiċjal tal-ERA ħa filmat ta’ dan l-avveniment eċċitanti. Din is-sena il-pajjiż ra numru rekord ta’ bejtiet attivi fl-istess ħin, b’ħames bejtiet attivi fir-ramla tal-mixquq, il-Ġnejna u Ramla l-ħamra.

L-uffiċjali tal-ERA marru minnufih fuq il-post u kkoordinaw ma’ Nature Trust Malta (NTM-FEE) biex iz-zona tiġi mħarsa. L-ERA se tkompli tissapportja lill-NTM u lill-partijiet interessati rilevanti sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-bejta. Ser tinħareġ ukoll Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza.  

Il-pubbliku huwa mfakkar li huwa essenzjali li jekk fekruna tintlemaħ, m’għandhom isiru l-ebda interazzjonijiet magħha. Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-istorbju eċċessiv, trampling u d-dawl qrib iz-zona tat-tbejjit jistgħu jkunu ta’ theddida għall-bajd tal-fkieren u kwalunkwe frieħ.

L-ERA tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku għall-appoġġ u l-kooperazzjoni tiegħu waqt avvenimenti bħal dawn, u tħeġġeġ lill-pubbliku biex immedjatament jirrapporta kwalunkwe osservazzjoni ta’ attività tal-fekruna lill-ERA fuq it-telefown fuq 22923500 jew permezz tas-sistema online tal-customer care tagħha, jew lill-NTM bit-telefown fuq 99999505.

Voluntiera se jkunu meħtieġa wkoll mill-NTM matul il-perjodu tal-bejta sabiex jgħinu fil-monitoraġġ u kompiti oħra relatati ma’ din il-bejta tal-fekruna. Dawk li jixtiequ jagħmlu volontarjat, huma ġentilment mitluba jibagħtu email fuq on turtle.naturetrust@gmail.com għal aktar informazzjoni.

NTM huma appoġġjati mill-ERA biex iwettqu salvataġġ u riabilitazzjoni tal-annimali madwar il-gżejjer Maltin.