“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex pajjiżna jkollu Gvern ġdid Nazzjonalista li jġib l-interessi tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività socjali li saret il-Ġimgħa filgħodu, f’lukanda fil-Qawra.
Quddiem dawk preżenti, Bernard Grech fakkar fis-suċċess li kisbet Roberta Metsola din il-ġimgħa hekk kif ġiet eletta mill-ġdid bħala President tal-Parlament Ewropew għat-tieni terminu tagħha b’aktar minn 90% tal-voti.
Bernard Grech fakkar li l-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard astjenew milli jivvutaw lil Roberta Metsola… wara li anke numru kbir ta’ Soċjalisti oħra, inkluż Thomas Bajada, taw l-appoġġ tagħhom lil Metsola. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Robert Abela huwa dgħajjef tant li dawk ta’ madwaru mhux qed jobdu l-ordnijiet tiegħu – mossa li qed tkompli tikxef il-qasma li hemm fil-Partit Laburista.
Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li s-settur tal-enerġija jinsab fi kriżi tant li eluf ta’ familji qed jispiċċaw iqattgħu sigħat sħaħ bla dawl f’temperaturi mill-aktar għoljin.
Bernard Grech temm il-messaġġ tiegħu billi stqarr li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex il-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna b’viżjoni fit-tul.
Intant, għal din l-attività l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat minn martu AnnMarie Grech.
//= $special ?>