Raġel minn Tas-Sliema, li llum għandu 51 sena, ma nstabx ħati li kważi 10 snin ilu kkaġuna ferita gravi fuq raġel u feriti ħfief fuq sieħbu fi club f’San Pawl il-Baħar. Wieħed mill-irġiel involuti fil-ġlieda, allegat vittma minnhom, spiċċa bi ksur fl-għadam ta’ wiċċu. L-akkużat f’din il-ġlieda sofra wkoll minn ġrieħi gravi.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Strafrace Zammit, kellha kliem iebes għall-Pulizija li mexxew il-każ u anke għall-AĠ fejn qalet li dawn naqsu mid-doveri tagħhom bil-kawża ttul ħafna fejn fost affarijiet oħra l-prosekutur kemm-il darba ma attendiex għal kawża. Tenniet ukoll li l-AĠ messha ddeċidiet li ma hemmx każ.
L-akkużat Christopher Borg dejjem ikkontenda li hu ddefenda lilu nnifsu mill-aggressjoni ta’ żewġt irġiel. L-inċident kien seħħ fit-30 ta’ Novembru 2014 għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filghodu fl-istabbilment Maximus Club, fi Triq il-Korp tal-Pijunieri, San Pawl il-Bahar, kif ukoll fit-triq quddiem l-istabbiliment.
Borg kien qed jiġi akkużat li kkaġuna offiza gravi fuq il-persuna ta’ Stephen Galea u offiża ħafifa fuq sieħbu Raymond Agius. It-tabiba Sarah Borg Savona kkonfermat ċertifikat mediku maħruġ minnha fejn hi eżaminat lil Stephen Galea fl-Emerġenza, fejn irriżulta li dan kien qed isofri minn nefħa kbira fil-wiċċ kif ukoll ksur multiplu fl-għadam tal-wiċċ li rrikjeda li jigi eżaminat ulterjorment minn speċjalisti tal-ENT u tal-Oftalmoloġija.
Qalet li dawn il-ġrieħi kienu kompatibbli ma’ ‘blunt trauma’ (aggressjoni fiżika ta’ ċertu forza) u li ġew klassifikati bħala gravi. L-Ispettur Maurice Curmi li esebixxa l-istqarrija tal-imputat, fejn fiha rrisponda għad-domandi kollha li saru lilu u fejn irrakkonta verżjoni kemxejn differenti minn dik tal-parte civile u fejn jgħid li kienu tnejn minn nies li bdew jilletikaw bejniethom fuq xi flixkun Vodka u fejn huwa safa’ aggredit għal xejn b’xejn.
Iddeffenda lilu nniffsu
Hu jsemmi persuna li jisimha Luke u oħra li jgħidulu “Il-Buġann”. Jgħid li dawn iż-żewġ persuni kienu xurbana u kellu bilfors jiddefendi lilu nnifsu wara li hu beda jaqla’ d-daqqiet mingħandhom. Raymond Agius u Stephen Galea t-tnejn iddikjaraw bil-ġurament li ma xtaqux jixhdu biex ma jinkriminawx lilhom infushom peress li kellhom proċeduri pendenti kontrihom.
Xehed Dr Mark Brincat li kkonferma li kien iċċertifika lill-imputat wara li eżaminah fid-data tal-inċident fejn dan sablu diversi feriti konsistenti fi tliet laċerazzjonijiet tal-lemin tal-qurriegħa, li tnejn minnhom kellhom bżonn il-punti, kif ukoll tliet laċerazzjonijiet oħra fuq in-naħa tax-xellug, ta’ bejn wieħed u ieħor ħames ċentimetri l-waħda li meta tarahom f’daqqa kienu f’għamla ta’ ċirku li dawn ukoll kellhom bżonn il-punti.
Dawn il-grieħi kienu klassifikati bħala gravi. F’seduta suċċessiva ddeċieda li jixhed il-parte civile Raymond Agius, u li kkonferma li dakinhar tal-inċident kien mar ma’ Stephen Galea fil-bar Maximus, iżda jgħid li wara li kien xorob żewġ drinks huwa qabdu ngħas kbir u mar jorqod fuq sufan meta qamet kommossjoni sħiħa u ħarġuh ’il barra.
Tenna li l-imputat ma jafux u ma jafx min kien tah daqqa. Il-Qorti nnutat li l-parte civile Stephen Galea qatt ma kien reġa’ ttella’ biex jagħti l-verżjoni tiegħu u l-anqas ma kien xehed xi tabib sabiex jiċċertifika l-ġrieħi ta’ Raymond Agius.
Il-Qorti qalet li qed tagħmilha ċara li mhux se taħli ħin prezzjuż meta dawn il-proċeduri kienu nieqsa għall-aħħar minn kull prova essenzjali u indispensabbli sabiex kawża bħal din tirnexxi. “Dan it-tort kien prinċiparjament tal-uffiċjal prosekutur li apparti d-diversi assenzi tiegħu li kollha ġew notifikati lill-Kummissarju tal-Pulizija, naqas milli jagħmel id-dover tiegħu ta’ uffiċjal prosekutur.
“Dan ukoll meta l-Avukat Ġenerali, meta rinfaċċjat b’dawk it-tip ta’ provi li qatt ma setgħu jwasslu għas-sejbien ta’ ħtija. Kellhom joħorġu n-‘nolle prosequi’ minflok ma’ ħarġu l-Artikoli li bihom jaħsbu li għandha tinstab ħtija. B’dan kollu ġie kkreat ħela ta’ ħin għal kulħadd speċjalment għar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja!” qalet il-Qorti.
Għal dawn il-motivi l-Maġistrat qalet li l-imputat qatt ma jista’ jinstab ħati tal-akkużi kif dedotti kontrih u għalhekk mhux qed issib lil Christopher Borg ħati tal-akkużi li ma ġewx ippruvati.
Għal Borg deher l-Avukat David Gatt.
//= $special ?>