L-Ogħla Qorti tan-Nazzjonijiet Uniti għadha kemm iddikjarat l-okkupazzjoni tat-territorji tal-Palestinjani mill-Iżraeljani bħala illegali skont il-liġi internazzjonali. Id-dikjarazzjoni storika tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali sostniet ukoll li Iżrael għandu jwaqqaf l-attività konnessa mal-iżvilupp tar-residenzi għal-Lhud fix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant.
Intant, id-dikjarazzjoni kompliet li l-Iżraeljani għandhom jikkonkludu l-okkupazzjoni ‘illegali’ ta’ dawk it-territorji u l-partijiet tal-Medda ta’ Gaza mill-aktar fis possibbli.
Id-dikjarazzjoni ma torbotx lil Iżrael b’mod legali, iżda xorta waħda hi sinifikattiva minn aspett politiku.
Din ukoll hi l-ewwel darba li l-Qorti Internazzjonali dikjarat ruħha b’dan il-mod dwar il-legalità tal-okkupazzjoni tal-artijiet tal-Palestinjani mill-Iżreljani li ilha għal 57 sena.
Il-Qorti Internazzjonali bażata f’The Hague, fl-Olanda, kienet ilha tevalwa l-kwistjoni mill-bidu tas-sena li għaddiet u fuq it-talba tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Qorti kienet intalbet, speċifikament, biex tagħti l-opinjoni dwar il-politika u prattika ta’ Iżrael fil-konfront tal-Palestinjani kif ukoll dwar l-istatus legali tal-okkupazzjoni.
Waqt li kien qed jippreżenta d-dikjarazzjoni, il-President tal-Qorti Internazzjonali, Nawaf Salam, qal li l-evalwazzjoni fuq kollox uriet l-illegalità tal-preżenza kontinwa tal-Iżraeljani fit-Territorji (tal-Palestinjani) Okkupati.
Nawaz Salam kompla li l-Istat ta’ Iżrael, għaldaqstant, hu obbligat biex itemm din il-preżenza illegali fl-imsemmija territorji mill-aktar fis – bil-Qorti tesiġi biex Iżrael jevakwa r-residenti kollha mill-artijiet filwaqt li jħallas ir-reparazzjonijiet lill-Palestinjani għall-ħsarat ikkaġunati minn dawn is-snin kollha ta’ okkupazzjoni.
Mill-1967 ‘il hawn, Iżrael bena mal-160 zona residenzjali għal xi 700,000 Lhud fix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant, Intant, il-Qorti f’The Hague qed tgħid li r-residenzi huma illegali minkejja li Iżrael ikkuntesta kemm-il darba l-argument li dawn inbnew b’abbuż għar-regoli internazzjonali.
//= $special ?>

