Nhar it-Tlieta 16 ta’ Lulju 2024, waqt Ċelebrazzjoni Ekumenika Solenni fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, Għawdex, fil-kuntest tal-Festa titulari ta’ San Ġorġ, ġie inawgurat ix-xogħol ta’ dekorazzjoni li sar fuq il-Kappella Neo-Biżantina tas-Santissmu Sagrament, li kienet ġiet mibnija għal dan il-għan fl-ewwel snin tas-seklu 21.
Il-proġett, li issa tlesta minn kollox, jista’ jissejjaħ “proġett bejn żewġ Ġublewijiet”, għax ġie mibdi fis-snin minnufih wara l-Ġublew il-Kbir tal-2000 u mitmum minn kollox fuq l-għatba tal-Ġublew tat-Tama tal-2025.
Ix-xogħol kollu ta’ dekorazzjoni u arti sagra li sar f’din il-Kappella Neo-Biżantina, fl-aħħar issa qed jitgawda fl-isplendur kollu tiegħu, wara li fiċ-Ċelebrazzjoni Solenni ta’ nhar it-Tlieta ġie ttrasportat mill-ġdid fiha Ġesù Ewkaristija.
Kien l-Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia li fil-ftuħ tat-Tielet Millennju tal-Kristjaneżmu welled dan il-proġett straordinarju u ambizzjuż b’tifkira tal-Ġublew il-Kbir tal-Inkarnazzjoni u tas-17-il Ċentinarju tal-Martirju ta’ San Ġorġ.
L-ewwel ġebla kienet tqiegħdet fit-23 ta’ April 2002, Solennità liturġika ta’ San Ġorġ, mill-mibki Isqof Nikol Ġ. Cauchi, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju saċerdotali tiegħu, u l-binja kienet lesta sa xi sentejn wara u ddedikata lis-Santissmu Kurċifiss, is-Santissmu Sagrament u l-Ħniena Divina.
L-istil arkitettoniku magħżul – dak Neo-Biżantin – ried jenfasizza r-rabta tal-komunità Ġorġjana ma’ ħutna tal-Knisja Orjentali, li jqimu b’tant għożża lil San Ġorġ Megalomartri, li l-istorja turi li l-kult tiegħu seta’ daħal mal-preżenza bikrija Biżantina fil-gżejjer tagħna fis-seklu 6, u hu meqjum bħala Patrun ta’ Għawdex.
Għal bosta snin il-kappella, fuq disinn tal-Perit Vincent Centorrino, baqgħet titgawda fuq il-ġebla Maltija tal-franka waqt li tintuża bħala post ta’ qima lis-Santissmu Kurċifiss kif ukoll lis-Santissmu Sagrament miżmum fit-tabernaklu tal-fidda, uniku fid-disinn tiegħu minħabba li jevoka l-pissidi antik li nstab moħbi fis-seklu 19 fil-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, u li llum hu espost fil-Mużew tal-Katidral ta’ Għawdex. L-Ewkaristija tqiegħdet fih għall-ewwel darba fl-2007.
Kien imbagħad bil-ħidma tal-Arċipriet attwali Joseph Curmi li dan il-proġett, ideat u mibdi 22 sena ilu, twassal fi tmiemu. F’Ħamis ix-Xirka tas-sena 2021 ġie ffirmat il-kuntratt mad-ditta li kellha ssebbaħ din il-kappella bl-ikonografija tal-mużajk. Mal-isem tal-benefattur ewlieni, il-mibki Mons. Teżorier Carmelo Scicluna, żdiedu dawk ta’ bosta Ġorġjani oħra li taw minn buthom u minn qalbhom biex jaraw dan il-proġett iseħħ sa tmiemu.
Id-ditta ta’ arti sagra mir-Rumanija, Mozaicon, fl-aħħar sentejn u tliet xhur għamlet xogħol eċċezzjonali u bl-arti tal-mużajk fl-istil Biżantin biddlet dan l-imkien sagru fi ġnien spiritwali, teżor ta’ arti liturġika u teoloġika, fejn kull xbieha tgħajjat: “Qaddis, Qaddis, Qaddis”.
Kienu bosta l-ħaddiema u voluntiera li kkollaboraw f’dan il-proġett, fejn barra l-mużajk, sar ukoll xogħol fil-ġebla, l-irħam, fost l-oħrajn tal-art kożmateska, l-induratura, u dawl apposta biex jenfasizza aktar il-ġmiel tal-arti tal-mużajk.
Fiċ-Ċelebrazzjoni Ekumenika Solenni ta’ nhar it-Tlieta, ippreseduta mill-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, ħadu sehem ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, in-Nunzju Appostoliku f’Malta Savio Hon-Thai Fai sdb, in-Nunzju Appostoliku fil-Marokk Alfred Xuereb, u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona op. Magħhom ipparteċipaw rappreżentanti ta’ Knejjes oħra Nsara f’Malta: il-Kappillan Andreas Kravchenko f’isem l-Arkimandrita Nikolaos Gongazde tal-Knisja Griega Ortodossa; il-Papas George-Alexandru Popescu tal-Knisja Rumena Ortodossa; u l-Kan. David Wright, Kanċillier tal-Pro-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, f’isem il-Komunjoni Anglikana. Dan barra s-sehem tal-Kapitlu u l-kleru tal-Kolleġġjata Ġorġjana.
Wara li saret it-talba tal-Għasar tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes tal-Mulej, b’qari ta’ testi bikrin tal-Missirijiet tal-Knisja dwar l-Ewkaristija, saret purċissjoni solenni mat-toroq tal-Belt Victoria b’Ġesù Sagramentat immexxija mill-Isqof ta’ Għawdex. Din kienet akkumpanjata b’innijiet Ewkaristiċi mill-Banda Ċittadina La Stella, u fiha ħadu sehem kategoriji diversi tal-parroċċa jġorru kuruni tar-rand li mbagħad tqiegħdu f’riġlejn is-Sagrament. Il-purċissjoni ntemmet fi Pjazza San Ġorġ b’att ta’ konsagrazzjoni u qima tal-komunità kollha lil Ġesù Ewkaristija, li mbagħad ġie ttrasporat fit-tabernaklu tal-Kappella Neo-Biżantina għall-ewwel darba wara li tlesta l-proġett sħiħ.
Għaċ-ċelebrazzjoni kienu preżenti wkoll l-artisti u ikonografi Rumeni Alex u Anca Costenco, li fl-aħħar sentejn u aktar għexu fis-skiet u t-talb f’nofs il-komunità Ġorġjana fejn ħadmu dawn ix-xogħljiet uniċi u imprezzabbli.
Issa, kull min jidħol f’din il-Kappella, barra li jitpaxxa bil-kapulavur ta’ arti li huwa f’kull sens uniku għall-gżejjer tagħna, jista’ jagħti l-adorazzjoni u l-qima mistħoqqa lil Ġesù Ewkaristija, li lilu waħdu jixirqu kull ġieħ u glorja.


