Johan Attard rebaħ it-tielet unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2024.
Il-plejer tal-blackball Johan Attard sar l-ewwel Malti li rebaħ tournament internazzjonali tal-IPA. Flimkien ma’ Clint Grima, huwa ħa sehem f’żewġ tournaments tal-IPA li saru f’Coventry fl-Ingilterra, f’Mejju li għadda u fit-tnejn li huma wasal sal-finali.
Fl-ewwel finali, Attard kien minn fuq 9-7 kontra Clint l’Anson, iżda dan tal-aħħar rebaħ iż-żewġ frejms deċiżivi, bir-riżultat finali ta’ 10-9. Fit-tieni finali, li kienet il-Ħadd 19 ta’ Mejju, Attard kellu prestazzjoni eċċezzjonali meta għeleb lil David Addinali bl-iskor ta’ 7-2 u għolla t-trofew.
Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group ikkummenta fuq ir-riżultati straordinarji miksuba minn Johan Attard, waqt li Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports sostna li d-determinazzjoni u s-suċċess ta’ Johan Attard ħaqqhom kull tifħir għax jirriflettu mhux biss id-dedikazzjoni tiegħu personali imma juru l-appoġġ kontinwu li tagħti l-Malta Blackball Federation.
Is-suċċess miksub minn Attard għandu jservi ta’ ispirazzjoni għall-atleti l-oħra Maltin u jkompli juri l-potenzjal li jista’ jinkiseb fuq livell internazzjonali.
//= $special ?>