Lokali Qorti

Konfermati ħames snin ħabs wara li abbuża mit-tifla tas-sieħba tiegħu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell ta’ raġel li kien ġie kundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li abbuża minn bint is-sieħba tiegħu meta din kienet taħt is-16-il sena.

Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex ma tiġix żvelata l-identità tal-vittma minħabba li huwa għandu wild minn ommha. Il-Qorti tal-Appell ma dehrilix li għandha tiddisturba l-ewwel sentenza li qieset kienet waħda idonea.

Huwa nstab ħati li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq it-tifla, li kkorrompiha u li wettaq atti sesswali magħha mingħajr kunsens. Ir-reat kien seħħ f’Ġunju, 2021, fejn ir-raġel ġie mixli wkoll li hu riċediv.

Fil-Qorti tal-Maġistrati, kienet xehdet il-kuġina ta’ omm it-tifla. Qalet li kienet iżżommha hi u darba minnhom ħarġu bid-dgħajsa u qaltilha li l-għarus t’ommha kien wettaq magħha atti immorali fejn kien mess il-partijiet privati tagħha, u dan meta kienu fid-dgħajsa tiegħu. Qalet li qaltilha li kien hemm drabi oħra li biesha u staqsieha biex tinżel fil-garaxx fejn hemm ukoll wettaq atti sesswali magħha.

Kienet qalet li t-tifla qalet li darb’oħra kienu se jmorru għand il-mekkanik u minflok ħadha f’xi post imwarrab u beda jmissha. Ix-xhud qalet li kellha tgħid dan kollu lill ommha. Ix-xhud qalet ukoll li minn dakinhar ‘il hawn it-tifla kwitat ħafna. 

Qalet li omm it-tifla baqgħet tgħix mal-imputat u t-tifla baqgħet tgħix magħha. Kien fil-15 ta’ April li għadda li r-raġel kien ikkundannat ħames snin ħabs bit-tifla tixhed li l-abbuż beda meta ommha welldet tarbija mingħand ir-raġel.

Hija sostniet li r-raġel kien iressaqha lejh u jmissha b’mod indiċenti bl-abbuż ġara kemm f’garaxx kif ukoll fuq dgħajsa fejn kien anke jgħidilha kliem b’konnotazzjonijiet sesswali. Fl-appell tiegħu r-raġel ilmenta, fost oħrajn, mill-piena fejn qal li din m’għandhiex isservi biex titpatta l-ħsara li tkun ġarrbet il-minuri.

L-Imħallef Camilleri ċaħad l-argumenti li qajjem ir-raġel fl-appell fejn qal li huwa abbuża minn tifla vulnerabbli kemm minħabba l-età tagħha kif ukoll għax kienet qed tgħix f’dar ta’ raġel li mhux missierha. L-Imħallef Camilleri qal li l-piena kienet aktar lejn il-minimu u għalhekk mhux biss ikkonferma l-ħtija tar-raġel imma l-ħames snin ħabs.