Lokali

“L-ispejjeż tar-ristoranti splodew ‘il fuq” – ACE

F’laqgħa li l-Partit Nazzjonalista kellu mal-Assoċjazzjoni tal-Catering, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta l-proposti tiegħu ‘l quddiem għas-settur tal-catering – proposti li ġew xprunati minn laqgħat ma’ din l-istess assoċjazzjoni.

Matul din il-laqgħa, l-ACE qalet li għalkemm japprezzaw l-għajnuna li ngħatat mill-Gvern… preżentament qed jittieħdu deċiżjonijiet li qed iħallu impatt ferm negattiv fuq dan is-settur; bl-ispejjeż qed ikomplu telgħin ‘il fuq.

Tkellmu wkoll fuq sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw numru ta’ negozji hekk kif il-kirjiet sena wara l-oħra qed jiżdiedu b’mod esaġerat tant li mhux qed ilaħħqu bl-ispejjeż kollha. Dan bil-konsegwenza li wħud min-negozji mhux qed ikollhom għażla oħra għajr li jagħlqu l-bibien tagħhom.

Minn naħa tiegħu, f’kummenti lil Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla jispjega aktar dwar in-numru ta’ kwistjonijiet li ġew diskussi. Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta l-proposti tiegħu bil-għan li l-problemi li qed jaffaċċja dan is-settur ikunu indirizzati.

Minn naħa tiegħu, il-Viċi President tal-ACE Matthew Pace qal li din kienet laqgħa pożittiva ħafna filwaqt li saħaq b’mod partikolari fuq il-bżonn ta’ riforma fis-sitwazzjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet f’postijiet pubbliċi.