F’Għawdex imur id-dawl waqt il-ħruġ tal-istatwa ta’ Santa Margerita
Bosta familji qattgħu lejl ieħor martirju mingħajr provvista tal-elettriku – b’lejl imfarrak qabel ma jqumu għal ġurnata xogħol oħra.
Anzjani, persuni morda, tfal u trabi ,u persuni li jsofru minn xi kundizzjoni, ilkoll isofru s-sħana fid-dlam f’lejl mingħajr mistrieħ.
Oħrajn bil-biża’ li se jidħlu għal xi spiża jew oħra bl-elettriku ġej u sejjer b’riskju li jikkaġuna xi ħsarat.
Partijiet mill-Fgura, Ħal Tarxien fost oħrajn, kif ukoll Għawdex reġgħu għal darb’oħra kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfida issa sinonima fis-sajf taħt Gvern tal-Labour.
Filmati u ritratti ppubblikati fuq il-midja soċjali saħansitra wrew il-ħruġ minn niċċa tal-istatwa Santa Margerita ħierġa fid-dlam għad-dawl tal-flash tal-mobiles wara li f’Ta’ Sannat Għawdex mar id-dawl.

“Wara li ġġammjaw pajjiż xorta waħda bqajna fejn konna – int jixraqlek aħjar” – Bernard Grech
Il-Ġimgħa filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li wara l-martirju li l-poplu għadda minnu s-sena l-oħra, Robert Abela u l-Minsitru Miriam Dalli wegħdu li mhux se jkun qed jiġri l-istess.
Huwa insista li wara li qalgħu Malta kollha, iġġammjaw pajjiż fit-traffiku kawża tan-nuqqas ta’ ppjanar, issa xorta waħda ta’ kuljum lokalitajiet sħaħ qed iqattgħu sigħat twal bla dawl.
Bernard Grech insista li pajjiżna jixraqlu aħjar, u sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jippjana u jinvesti biex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom garanzija ta’ affarijiet bażiċi.
Il-power station tad-diesel se jħadmuha f’nofs Awwissu għax għadha ma ġietx
Intant, mal-ġurnal Times of Malta ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava qal li l-power station temporanja – li ironikament ħa tkun qed titħaddem bid-diesel – se jkunu qed joperawha f’nofs Awwissu għaliex għadha ma waslitx Malta.
Din il-power station, li tiswa €37 miljun, qed tiġi deskritta bħala waħda ta’ bżonn essenzjali mill-Enemalta biex il-kriżi tas-sena l-oħra ma tirrepetix ruħha.
Madanakollu, proprju bħal dan iż-żmien sena li Malta u Għawdex bdew iħabbtu wiċċhom mal-kriżi fil-provvista tal-elettriku. Għaldaqstant, wieħed jibqa’ perpless kif minkejja li għadda dan iż-żmien kollu l-familji Maltin u Għawdxin għadhom bil-biża’ li jqattgħu lejl ieħor bla dawl… bil-generators tal-elettriku wara biebhom.