Lokali

“Maria Ellul intitolata tgħid li trid fuq Agius Saliba u Attard” – Jason Micallef

Micallef ikejjel il-kitba tal-ġurnalisti mod u l-attakk tas-Segretarju Ġenerali tal-FŻL mod ieħor

Skont Jason Micallef… jekk il-ġurnalisti jirrapportaw li l-MEPs Laburisti astjenew milli jivvotaw favur Roberta Metsola, dak jiġi meqjus bħala bullying. Iżda jekk esponent tal-Labour jikkritika l-istess aġir, dak huwa “s-sabiħ tad-demokrazija.”

Dan huwa l-kejl tal-Uffiċjal tal-Gvern u Eks Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef meta l-Ġimgħa filgħodu Net News staqsih x’jaħseb dwar il-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Maria Ellul, iddeskriviet lil Alex Agius Saliba u Daniel Attard bħala politiċi bla sinsla.

Fil-jiem li għaddew permezz ta’ kitba fuq Facebook, Micallef sostna li l-ġurnalisti indipendenti kienu qed iwettqu att ta’ bullying fuq sħabu l-MEPs u għal darb’oħra fetaħ il-kanuni fil-konfront tal-ġurnalisti għax għamlu xogħolhom.

Iżda meta ffaċċjat bil-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-FŻL, Maria Ellul, u l-preżentatur u esponent Laburista Manwel Micallef attakkaw l-aġir ta’ dawn iż-żewġ MEPs Laburisti – meta mistoqsi dwar fatti li juru l-qasma f’kull livell fil-Partit Laburista – Jason Micallef qal li kulħadd intitolat għall-opinjoni.

Intant, b’rabta mal-kumment ta’ Maria Ellul, tkellem ċar u tond l-eks uffiċjal f’Kastilja Neville Gafà li staqsa lil Robert Abela jekk hux konxju tar-rabja li ġab tali kumment fost il-partitarji Laburisti.

Gafà għabba lil Abela b’responsabbiltà politika hekk kif saħaq li jew jieħu azzjoni issa jew inkella se jħalli kollox għaddej – bir-responsabbiltà taqa’ kollha kemm hi f’ħoġru. Huwa temm billi qal li l-Laburisti qed isegwu x’azzjoni se jkun qiegħed jieħu l-Mexxej… bl-inkwiet fil-Partit tal-Labour u għal Robert Abela jkompli jżid jum wara l-ieħor.