Sport Waterpolo

Plumpton sospiż erba’ logħbiet u mmultat €1000 wara li nstab ħati mill-Bord tad-Dixxiplina tal-ASA

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-plejer ta’ San Ġiljan Ben Plumpton ġie sospiż erba’ logħbiet u mmultat €1,000 wara li deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina sabitu ħati li gidem liż-żewġ plejers ta’ Sliema, Daniel Rizzo u Jayden Cassar.

Wara l-partita missielta bejn San Ġiljan u Sliema li ntlagħbet l-Erbgħa li għadda, Sliema għamlu rapport fejn allegaw li l-plejer ta’ San Ġiljan Ben Plumpton gidem lil Daniel Rizzo u Jayden Cassar waqt il-logħba. Huma talbu li tittieħed azzjoni kontra l-plejer u l-klabb minħabba rapporti fil-passat. Fir-rapport inkludew ukoll żewġ ritratti tal-gidmiet li allegatament sofrew. Iż-żewġ episodji ma nqabdux mir-referees waqt il-logħba u għalhekk l-azzjonijiet ma ġewx sanzjonati.

Ritratti ppubblikati minn Sliema ASC juru l-gidmiet li sofrew Daniel Rizzo u Jayden Cassar

Il-Bord tad-Dixxiplina tal-ASA ltaqa’ b’urġenza l-Ħamis filgħaxija biex jiddiskuti l-każ. Il-klabb Slimiż ta verżjoni aktar dettaljata ta’ kif ġraw il-fatti, wieħed mir-referees tal-logħba Ronnie Spiteri kkonferma li hu ma rax lil Plumpton jigdem iżda kkonferma li żewġ plejers ta’ Sliema ilmentaw miegħu wara l-logħba li ngidmu mill-istess plejer. San Ġiljan saħqu li ċ-ċertifikati mediċi tal-feriti li ġew ikkurati, kienu superfiċjali.

Il-Bord tad-Dixxiplina ma sabx ħati lil Plumpton li ta eżempju ħażin u naqqas ir-reputazzjoni tal-isport hekk kif l-inċidenti seħħew taħt l-ilma u San Ġiljan ma ġewx misjuba ħatja li kienu responsabbli għal dan l-inċident.

Madankollu, il-Bord tad-Dixxiplina sab lil Ben Plumpton ħati li wettaq att gravi ta’ vjolenza f’żewġ okkażjonijiet u ġie mmultat €300 u żewġ logħbiet għal kull offiża kif ukoll li ġie mmultat €400 oħra minħabba li hu riċediv.

B’hekk Plumpton se jitlef il-logħbiet li San Ġiljan imisshom kontra Birżebbuġa, Valletta, Neptunes u Sirens. Inċidentalment hu jidħol lura fl-aħħar logħba qabel il-play-offs, li hi proprju kontra Sliema fit-3 ta’ Awwissu.