Numru ta’ ajruporti u linji tal-ajru madwar l-Ewropa u anke fl-Awstralja spiċċaw bl-iskeda tagħhom imħarbta wara li weħlu s-sistemi tal-Microsoft. Bil-problema tant tkun kbira li affettwat ukoll is-sistemi tas-saħħa f’diversi pajjiżi, kif ukoll numru ta’ banek madwar id-dinja kollha.
Aktar tard, intqal ii din is-sitwazzjoni żviluppat minħabba software update li kien qed isir mill-kumpanija tas-cybersecurity ‘Crowdstrike’, u li affettwa kompjuters li joperaw bis-sistema Microsoft.
Rapporti internazzjonali qed jindikaw li dawn il-problemi żviluppaw aktar kmieni dalgħodu, u affettwaw bosta ajruporti, supermarkets, banek stabbiliti, clubs tal-futbol, kumpaniji tal-betting, kumpaniji tal-assigurazzjoni u anke networks tal-aħbarijiet – tant li Sky News spiċċa għal xi ħin ma setax ixandar.
L-ewwel problemi tfaċċaw ma’ sbieħ il-jum fil-kontinent Awstraljan. Imbagħad, fl-Ewropa kienet rappurtata l-istess sitwazzjoni.
Anke fl-Istati Uniti, kumpaniji bħal Delta Airlines, United Airlines u American Airlines kellhom iħassru t-titjiriet tagħhom. Dan minħabba li ħafna mis-sistemi tal-IT spiċċaw offline.
L-MIA fi stqarrija qalet li l-ajruport Malti jinsab affettwat b’din is-sitwazzjoni, b’riżultat li mistenni jkun hemm dewmien f’numru ta’ titjiriet.
Esperti qed jiddeskrivu dak li seħħ bħala “glitch” fis-sistemi tal-IT li jużaw il-Microsoft. Hemm ukoll min qed jgħid li kollox beda minħabba update mill-kumpanija ‘Crowdstrike’ li ma ħadimx sew – b’riżultat li beda jitla’ l-famuż screen blu, magħruf bħala ‘blue screen of death’ error.
//= $special ?>