Ingliż ta’ 19-il sena resdienti l-Mellieħa, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li ħebb għal xufier ta’ taxi (ritratt) li kien għadu kemm wasslu d-dar mill-Belt. L-inċident seħħ fl-20 ta’ Lulju ta’ sentejn ilu, bejn it-3am u l-4am fil-Mellieħa. l-Pulizija bdiet tinvestiga wara rapport mix-xufier.
Oliver Chandler Kassim kien tressaq il-Qorti mill-Ispetturi George Frendo u Francesco Mizzi mixli li kkaġuna ġrieħi gravi lix-xufier, bil-prosekuzzjoni jaqblu li s-sentenza għandha tkun waħda sospiża fid-dawl ta’ dak kollu li seħħ.
Il-Maġistrat Rachel Montebello fis-sentenza tagħha qalet li għalkemm reat bħal dan iġorr piena ta’ bejn sentejn u 10 snin ħabs, ikkunsidrat il-kondotta nadifa taż-żagħżugħ, l-età żgħira tiegħu u l-fatt li jbati minn diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali.
Sadanittant, ix-xufier tat-taxi li kien tella’ ritratt fuq il-midja soċjali fejn saħaq li ġie attakkat, għażel li ma jixhidx kontra ż-żagħżugħ. Joseph de Celis Makyuta kien qal li kien vittma ta’ attakk b’ponn tal-metall. Il-Pulizija kienet qed tinvestiga lill-vittma fuq suspett ta’ serq u xi feriti waqt l-istess inċident ma’ Kassim.
Fid-dawl ta’ dan kien ingħad ukoll li de Celis Makyuta mhux se jixhed waqt il-proċeduri kontra Kassim biex ma jinkriminax ruħu. Il-vittma kien sofra minn feriti u tbenġil f’wiċċu u għalhekk ittieħed għal CT scan ta’ moħħu u wiċċu.
L-inċident bejn de Celis Makyuta u Kassim seħħ meta x-xufier tat-taxi wasal biex jiġbor liż-żagħżugħ qrib l-għassa tal-Belt. Skont kelliem għall-Pulizija, Kassim kien intlemaħ mill-Pulizija aktar kmieni u ttieħed l-għassa tal-Pulizija sabiex jiġi f’tiegħu minħabba li kien xurban iżda aktar tard hu bbukkja taxi u telaq minn jheddu.
Ix-xufier tat-taxi fuq Facebook kien saħaq li ftit wara li rikkeb lil Kassim mill-Belt, l-akkużat beda jpejjep fil-karozza u poġġa saqajh fuq id-dashboard, fejn ix-xufier ma qal xejn minħabba li l-akkużat kien jidher fis-sakra.
Mal-wasla fid-destinazzjoni li kienet il-Mellieħa, de Celis Makyuta kompla jgħid li l-passiġġier ħall iċ-ċinturin tas-sigurtà u beda jsawtu b’mod vjolenti. Ix-xufier saħaq li dan kollu dam madwar seba’ minuti fejn hu pprova jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk għaddejjin miż-zona billi beda jdoqq il-ħorn ripetutament.
Minbarra sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin.
//= $special ?>