Is-sospensjoni ta’ erba’ logħbiet u multa ta’ €1000 li rċieva Ben Plumpton wara deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina kibret għal sospensjoni ta’ 12-il logħba u multa ta’ €1270 wara deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli.
San Ġiljan ASC appellaw mid-Deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina l-Ħamis wara li Sliema ressqu lment minħabba li fil-logħba tal-Erbgħa li għadda bejn Sliema u San Ġiljan, allegaw li Ben Plumpton gidem lil Daniel Rizzo u Jayden Cassar waqt il-logħba.
F’seduta urġenti tal-Bord tal-Appelli, ġie deċiż li l-Bord qabel mal-Bord tad-Dixxiplina dwar l-evidenza pprovduta u li l-inċidenti li seħħew kienu veru, li San Ġiljan bħala klabb ma għandhomx ikunu ħatja kif ukoll id-deċiżjoni li Plumpton jinstab ħati li kkommetta att gravi ta’ vjolenza.
Madankollu l-Bord tal-Appelli ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina li b’dak li ġara ma tnaqqsitx ir-reputazzjoni tal-isport kif ukoll li ma ngħatax eżempju ħażin. Il-Bord tal-Appelli qal li din l-imġiba ma għandix f’postha fl-isport u jemmen li dawn iż-żewġ inċidenti waqqgħu r-reputazzjoni tal-isport u fi kliem il-Bord “Ben Plumpton kien definittivament ta’ eżempju ħażin mhux biss għal dawk li jsegwu l-logħba imma għall-pubbliku ġenerali.”
Il-Bord żied jgħid li l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jħallu impatt fuq avversarji fil-futur minħabba li plejers jistgħu jaħsbuha darbtejn biex jimmarkawh u b’hekk ikollu vantaġġ mhux ġust. Għaldaqstant il-Bord tal-Appelli sab lil Plumpton ħati wkoll ta’ DC-B2-02 u DC-B2-03 jiġifieri li ġab ruħu b’mod li waqqa’ r-reputazzjoni tal-isport u ġab ruħu b’mod li probabbli ta eżempju ħażin.
B’hekk hu ġie sospiż erba’ logħbiet u €135 għal kull ksur ta’ offiża u s-sospensjoni totali kibret għal 12-il logħba u multa ta’ €1270. Il-Bord tal-Appelli kkonkluda billi jittama li dawn ix-xeni ma jerġgħu jiġu ripetuti fl-isport u li l-atleti jaġixxu b’manjiera responsabbli billi juru rispett lejn xulxin. Il-Bord kien ippresedut minn Kevin Azzopardi assistit minn Anna Vassallo.
//= $special ?>