Waħda mill-iżjed toroq traffikużi f’Ħal Qormi se tibqa’ magħluqa sajf sħiħ, hekk kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta qed jirranġaw is-sistemi tad-drenaġġ u n-networks tal-elettriku fi Triq l-Imdina. Dan apparti li Triq il-Marsa wkoll tinsab magħluqa kawża ta’ dawn ix-xogħlijiet.
Dwar din is-sitwazzjoni, tkellem l-Eks Sindku ta’ Ħal Qormi u l-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar Jesmond Aquilina illi esprima s-solidarjetà tiegħu mal-kunsillieri – li fi kliemu, m’għandhomx tort għal dawn ix-xogħlijiet, minkejja r-rabja li hemm fuq it-traffiku li qed ikun ikkawżat minn dan il-proġett.
Dawn it-toroq, suppost, huma mistennija jerġgħu jinfetħu qabel it-tfal jibdew skola f’Settembru – li jfisser li r-residenti Qriema u dawk li jużaw din ir-rotta għandhom sajf sħiħ iġġamjati fit-traffiku.
Permezz tal-midja soċjali, l-Enemalta ssuġġeriet diversi toroq alternattivi li jistgħu jużaw s-sewwieqa sabiex jevitaw it-toroq magħluqa – għalkemm din il-propaganda tal-Gvern xejn ma niżlet tajjeb mal-pubbliku inġenerali, li ta kull jum… f’kull ħin tal-ġurnata… qed jaffaċċja traffiku enormi.
//= $special ?>