Raġel u mara ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku l-Ħamis.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, fi Triq Manwel Dimech, f’Ħal Qormi. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel mis-Sirja u jgħix il-Ħamrun, intlaqat minn Nissan Micra li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 26 sena residenti l-Ħamrun ukoll.
It-tieni inċident ġara għal xi d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, fi Triq Tas-Sliema, il-Gżira. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn BMW misjuqa minn raġel ta’ 50 sena residenti l-Gżira, u mutur Yamaha T110 misjuq minn Brażiljana ta’ 29 sena residenti n-Naxxar.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u s-Sirjan kif ukoll il-Brażiljana ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

