Il-Knisja fakkret il-50 anniversarju mill-ordinazzjoni ta’ ħamsin saċerdot – tifkira li saret permezz ta’ quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti li qed ifakkru dan l-anniversarju uniku.
Fiċ-ċelebrazzjoni li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, tfakkar il-mument meta fl-20 ta’ Lulju tal-1974, l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Monsinjur Mikiel Gonzi, kien ordna 50 saċerdot.
38 mis-saċerdoti li ġew ordnati fl-1974 kienu preżenti għal din il-quddiesa, u kkonċelebrawha… filwaqt li fakkru fit-12-il saċerdot li ġew ordnati magħhom, li m’għadomx magħna llum.
Fl-omelija tieghu, l-Arċisqof tkellem dwar ir-relazzjoni speċjali li għandha l-Knisja mal-poplu. U semma’ kif il-fidi vera tinbena fuq il-bażi ta’ servizz ġenwin u d-dedikazzjoni.
“Ġesù jinsisti fuq il-familjarità mal-poplu, li jkollok stabbiltà emottiva li ġejja mis-servizz u mhux mill-possess, ġejja mill-għotja mhux mill-kilba għal poter,” qal l-Arċisqof, ifakkar fl-essenza tas-sejħa saċerdotali li hija msejsa fuq l-imħabba u l-altruwiżmu.
L-Arċisqof esprima wkoll ix-xewqa tiegħu li l-Knisja tkompli tiġġedded u tissaħħaħ b’aktar vokazzjonijiet ġodda. Dan filwaqt li esprima t-tama tiegħu li l-Knisja f’Malta terġa’ tgħix mumenti bħal dawk ta’ ħamsin sena ilu … meta kienu ġew ordnati numru kbir ta’ saċerdoti.
//= $special ?>