Lokali

Ħtieġa li s-settur tal-catering ikun megħjun biex in-negozji jirnexxu – PN

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta l-proposti tiegħu ‘l quddiem għas-settur tal-catering – proposti li ġew xprunati minn laqgħat ma’ din l-istess assoċjazzjoni.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul laqgħa li delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija minnu kellha mal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE).

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta l-proposti tiegħu bil-għan li l-problemi li qed jaffaċċja dan is-settur ikunu indirizzati.

Huwa appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni minnufih u jressaq miżuri li verament jgħinu lil dan is-settur.

L-ACE qalet li għalkemm japprezzaw l-għajnuna li ngħataw fl-aħħar xhur, preżentament qed jittieħdu deċiżjonijiet li qed iħallu impatt ferm negattiv fuq dan il-qasam; bl-ispejjeż qed ikomplu tilgħin ‘il fuq.

Tkellmu wkoll fuq sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw numru ta’ negozji hekk kif il-kirjiet sena wara l-oħra qed jiżdiedu b’mod esaġerat tant li mhux qed ilaħħqu bl-ispejjeż kollha. Dan bil-konsegwenza li wħud min-negozji mhux qed ikollhom għażla oħra għajr li jagħlqu l-bibien tagħhom. Uriet ukoll it-tħassib tagħha għall-fatt li din l-industrija m’għadhiex waħda sostenibbli.

Fi tmiem il-laqgħa l-Assoċjazzjoni qalet li din kienet laqgħa pożittiva ħafna filwaqt li saħqet fuq il-bżonn ta’ riforma fis-sitwazzjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet f’postijiet pubbliċi.

Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione u kif ukoll ix-Shadow Ministers Alex Borg, Ivan Castillo, Jerome Carauna Cilia, Mario De Marco u Graham Bencini.