Sport Waterpolo

San Ġiljan jesprimu d-diżappunt dwar id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-każ ta’ Ben Plumpton

L-għada tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li s-sospensjoni ta’ Ben Plumpton tiżdied għal 12-il logħba u multa ta’ €1270, il-klabb ta’ San Ġiljan ħareġ stqarrija li fiha esprima d-diżappunt għad-deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront tal-plejer tagħhom.

San Ġiljan huma tal-opinjoni li kull forma ta’ proċess dixxiplinarju għandu jkun ġust u fil-parametri tar-regolamenti. Huma saħqu li d-deċiżjoni meħuda, kisret il-proċeduri stabbiliti tal-ASA. Il-klabb Ġiljaniż saħaq li din id-deċiżjoni, iġġiegħel jaħsibha darbtejn lil min fil-futur irid jappella deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina tal-ASA. Huma saħansitra qalu li qed ifittxu pariri legali u qed jikkunsidraw l-azzjoni kollha possibbli fil-qrati Maltin.

Filwaqt li l-klabb ikkundanna kull tip ta’ azzjoni vjolenti li tmur kontra l-ambjent sportiv li jkun ġust u ta’ rispett, fl-ebda mument ma kkundannaw dak li ġara l-Erbgħa li għadda. L-istqarrija ta’ San Ġiljan temmet tgħid li bħala klabb jibqgħu dedikati li jżommu u jinfurzaw l-ogħla livell fost l-atleti tagħhom.

Ben Plumpton ingħata sospensjoni ta’ erba’ logħbiet u multa ta’ €1000 wara li nstab ħati li gidem lil Daniel Rizzo u Jayden Cassar fil-logħba bejn San Ġiljan u Sliema l-Erbgħa li għadda. San Ġiljan appellaw id-deċiżjoni iżda fir-reviżjoni tad-deċiżjoni, il-Bord tal-Appelli ma qabilx b’mod sħiħ mal-Bord tad-Dixxiplina u żied li nkisru żewġ regolamenti oħra, tant li s-sospensjoni telgħet għal 12-il logħba u multa ta’ €1270.