Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura l-benesseri tal-familji

Huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li joffri serħan il-moħħ quddiem l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż bħalissa.

Hekk sostna f’intervent telefoniku l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt il-programm ‘Analiżi’ hekk kif kien qiegħed jitkellem dwar is-sitwazzjoni tad-drenaġġ fil-baħar kif ukoll dwar il-qtugħ tad-dawl.

F’intervent minn Għawdex fejn qed tkompli l-ħidma man-nies tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech sostna li rigward il-problema tad-drenaġġ, Gvern ġdid Nazzjonalista mhux ser jarmi d-drenaġġ fil-baħar. Dan għaliex bħalma sar qabel taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, ser isiru l-investimeni kollha meħtieġa.

Filwaqt li sostna li l-Gvern Laburista preżenti qiegħed jarmi l-investiment kollu u mhux qiegħed jimxi mal-istandards Ewropej.

Il-Kap tal-PN sostna li rigward qtugħ eċċessiv ta’ dawl li kellna matul dan ix-xaħar, tefa’ stress kbir fuq in-negozji ta’ pajjiżna, b’detrement fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u fuq is-setturi ekonomiċi tagħna. Hu fakkar kif il-qagħda ekonomika taffettwa lil kull Malti u Għawdxi.

Dan apparti kriżijiet oħra fejn residenti madwar Malta u Għawdex kellhom iqattgħu sigħat sħaħ bla dawl, f’nofs mewġa kbira ta’ sħana li laqtet l-Ewropa.

B’hekk fl-isfond ta’ din il-kriżi, il-miljuni misruqa qegħdin jibdew jinħassu, dan għaliex bihom setgħu saru investimenti kbar sabiex Malta ma tkunx f’din is-sitwazzjoni. Dan filwaqt li fakkar ukoll kif in-nuqqas ta’ ppjanar ta’ kif ser nelevaw l-ekonomija qed iħossu kulħadd.

Mistoqsi dwar il-kriżi li għandna fis-settur tas-saħħa, Bernard Grech fakkar kif in-nuqqas ta’ ppjanar dwar it-tkabbir fil-popolazzjoni u s-serq tal-miljuni bil-konċessjoni tal-isptarijiet ħallew is-settur jergħeq ‘l isfel.

Bernard Grech għalaq l-invervent tiegħu billi sostna li ser ikompli jaħdem u jiltaqa’ man-nies ta’ kuljum sabiex jekk il-poplu jogħġbu jafda l-Partit Nazzjonalista fit-tmun tal-pajjiż, Gvern Nazzjonalista ġdid ikun jista’ jifhem x’qed iħossu n-nies, b’kuntrast mal-Gvern Laburista preżenti.