Lokali

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex hija inkwetata bil-qtugħ tad-dawl u l-ilma f’Għawdex

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex hija inkwetata bis-sitwazzjoni preżenti fil-provvista tal-elettriku, li qed tirriżulta fi qtugħ kontinwu tad-dawl madwar Malta u Għawdex. F’Għawdex diversi lokalitajiet ġew affettwati, b’uħud minnhom isofru wkoll qtugħ fil-provvista tal-ilma, diversi drabi din il-ġimgħa. F’ċertu lokalitajiet din is-sitwazzjoni damet sejra sa 16-il siegħa sas-Sibt waranofsinhar.

Minbarra l-impatt li dan qed ikollu fuq il-komunitajiet tagħna, l-iktar dawk vulnerabbli, din is-sitwazzjoni qed tnaqqas il-kunfidenza tan-negozju u l-investiment f’punt kruċjali tal-istaġun turistiku.

Din is-sitwazzjoni qed taffettwa wkoll setturi bħal bejgħ bl-imnut, stabbilimenti tal-ikel, il-manifattura, u s-settur diġitali. Il-qtugħ konsistenti fil-provvista tad-dawl ikkawża diversi danni, telf ta’ konsumaturi u sigħat ta’ xogħol, rimi ta’ ikel, u spejjeż addizzjonali biex wieħed ikompli l-operat tiegħu fejn possibbli.

Din is-sitwazzjoni titlob kemm soluzzjonijiet urġenti imma wkoll riflessjoni fit-tul fuq l-infrastruttura neċessarja biex issostni ż-żieda fil-popolazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-iżvilupp li pajjiżna esperjenzja f’dawn l-aħħar snin. F’dan ix-xenarju hija bżonjuża analiżi reġjonali fuq l-infrastruttura tal-enerġija f’Għawdex, analiżi li tħares lejn il-kritiċitajiet u l-punti vulnerabbli tas-sistema, u tteħid ta’ azzjonijiet konkreti. Din is-sitwazzjoni ma taqbilx mal-livell ta’ żvilupp li pajjiżna qed jipprova jilħaq.