Internazzjonali

Il-problema globali fl-IT: Mat-8.5 miljun kompjuter affettwati mill-‘glitch’ storiku

Skont l-aħħar kalkoli mill-kumpanija Microsoft, xejn anqas minn 8.5 miljun kompjuter madwar id-dinja spiċċaw affettwati mill-problema storika tal-Ġimgħa relatata mal-IT u li ħalliet impatt – u inkonvenjent – fuq livell globali.

L-intopp, magħruf  bħala ‘glitch’, kien ikkaġunat minn software difettuż tal-kumpannija Crowdstrike li suppost kellu jħares is-sigurtà tal-kompjuters u li, minflok, ikkaġuna kroll sħiħ fis-sistema tal-Windows.

B’konsegwenza ta’ dan,  numru kbir ta’ ajruporti, banek, ċentri tas-saħħa, kumpaniji tal-assikurazzjoni, stabbilimenti kummerċjali u diversi kumpaniji oħrajn (madwar id-dinja) spiċċaw paralizzati, mingħajr is-sistemi tal-IT li jservu bħala l-ixprun tas-servizzi.

Sadanittant, ir-referenza għat-‘8.5 miljun kompjuter’ hi l-ewwel darba li l-Microsoft ħarġet biċ-ċifri, ftit jew wisq, preċiżi dwar l-iskala tal-problema. Problema li x’aktarx hi l-akbar waħda fuq livell ċibernetiku li qatt rat id-dinja.

Dan meta l-impatt tal-problema għas-setturi ekonomiċi u s-setturi soċjali jirrifletti wkoll l-użu tas-sistema Crowdstrike mill-intrapriżi li qed imexxu numru ta’ servizzi kritiċi għall-komunitajiet tagħna.