Iżrael ħareġ twissija ċara lill-milizji tal-Houthi fil-Jemen li kwalunkwe aggressjoni kontra l-poplu Iżraeljan għandha tirriżulta awtomatikament f’reazzjoni ‘ferm aktar qawwija’ fuq livell militari.
Dan wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fi tmiem il-ġimgħa, attakkaw il-port ta’ Hodeidah fil-Jemen li tmiss mal-Baħar l-Aħmar… Port li ilu l-aħħar snin ikkontrollat mill-Houthi.
B’dan ir-rejd, l-Iżraeljani taw ‘tweġiba xierqa’ lill-Houthi, alleati kbar tal-Iran, wara li l-milizji kienu sparaw drone lejn il-belt ewlenija ta’ Tel Aviv. Min-naħa tiegħu, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Yoav Gallant, tenna li l-militar ta’ pajjiżu mhux se jibqa’ lura milli jirrepeti l-azzjoni f’każ li l-Houthi jippersistu b’din l-aggressjoni kontra l-ibliet ta’ Iżrael.
Ir-rejd mill-ajruplani ta’ Iżrael ħallew nirien u dħaħen kbar fid-diversi zoni tal-port ta’ Hodeidah u li setgħu jidhru mill-ibnadi mbegħdin fil-Lvant Nofsani.
Skont ir-rapporti, l-attakki mill-ajru ħallew tal-anqas għaxar mejtin u qrib l-100 midruba fl-inħawi tal-port – bit-Tmexxija tal-Houthi tikkundanna lil Iżrael dwar ‘azzjoni brutali kontra l-poplu fil-Jemen’.
Il-Gvern immexxi mill-Houthi f’Sanaa, sadanittant, kompla li l-missili tal-ajruplani Iżraeljani laqtu l-faċilitajiet taż-żejt qrib ix-xatt, flimkien ma’ mpjant tal-enerġija fl-istess inħawi. U fl-aħħar sigħat, il-Kunsill Politiku Suprem – jew l-Eżekuttiv – tal-Houthi wiegħed ‘tweġiba effettiva’ għall-azzjoni ta’ Iżrael.
Sadanittant, il-militar Iżraeljan qal li niżżel missila sparata mill-Jemen qabel din laħqet daħlet fl-ispazju tal-ajru ta’ Iżrael. Azzjoni li kkaġunat sitwazzjoni ta’ allert fil-port Iżraeljan ta’ Eilat.
Fl-istess ħin, Iżrael qed jaħdem fuq strateġija militari biex il-Houthi ma jkomplux jappoġġjaw lit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza li ilhom minn Ottubru jiġġieldu gwerra qalila mal-Iżraeljani.
U fil-fatt, din kienet l-ewwel darba li Iżrael wieġeb b’mod dirett u fuq livell militari għal sitwazzjoni li ilha għaddejja x-xhur. Sitwazzjoni fejn, fi kliem l-Iżraeljani, il-Houthi fil-Jemen sparaw ‘kontinwament’ il-mijiet tad-drones u l-missili lejn it-territorji ta’ Iżrael.
L-Iżraeljani spjegaw li l-ajruplani tagħhom ikkonċentraw fuq ‘il-miri tat-terroristi tal-Houthi’ fil-port u l-madwar ta’ Hodeidah. Huma anki enfasizzaw li l-Gvern tagħhom mhux se jaħsibha darbtejn biex jieħu azzjoni f’waqtha kontra l-elementi li jixtiequ l-qerda tal-poplu Iżraeljan.’
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, f’kummenti wara r-rejd fuq il-Houthi, enfasizza li pajjiżu jinsab lest biex jiddefendi ruħu bil-mezzi kollha possibbli u li kull min jagħżel it-triq tal-aggressjoni (kontra Iżrael) irid iħallas prezz qares.
//= $special ?>